8 LOKALITAJIET OĦRA F’GĦAWDEX IGAWDU MINN SKEMA TAL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX
“Tmien proġetti oħra se jkunu qed jitwettqu fi tmien lokalitajiet f’Għawdex permezz ta’ finanzjament ta’ €400,000 mil-iskema ta’ Eko Għawdex għall-Kunsilli Lokali u Kumitati Amministrattivi Għawdxin. Din hija t-tieni sejħa ta’ dan it-tip għall-Kunsilli Lokali, għall-proġetti li huma konformi mal-Pjan ta’ Azzjoni Eko Għawdex 2010 – 2012.”
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex ħabbret dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha kienu preżenti s-Sindki u s-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali tal-Fontana, ta’ Għajnsielem, ta’ Kerċem, ta’ San Lawrenz, ta’ Sannat, ta’ Victoria, tax-Xewkija u taż-Żebbuġ, li ffirmaw il-ftehim tagħhom mal-Ministeru għal Għawdex.
Il-Ministru Giovanna Debono rringrazzjat lill-Kunsilli Lokali u l-Kumitati Amministrattivi kollha f’Għawdex li wrew interess fiż-żewġ sejħiet taħt din l-iskema, fejn ipproponew diversi proġetti li jkopru setturi differenti li jolqtu mill-qrib sferi differenti tas-soċjetà Għawdxija. Fissret kif dan l-interess jixhed ukoll l-impenn sħiħ u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħidma tal-gvern għal Għawdex aħjar permezz tat-twettieq tal-pjan ta’ azzjoni Eko Għawdex mibni fuq il-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli. Żiedet tgħid li dawn il-proġetti ser jagħmlu differenza fis-setturi rispettivi tagħhom kemm fuq bażi lokali kif ukoll b’mod reġjonali. It-tmien proġetti imnedija llum ser jagħmlu differenza fid-dehra ġenerali u l-faċilitajiet pubbliċi tal-lokalitajiet, titjib u konservazzjoni aħjar ta’ nħawi storiċi u naturali, filwaqt li jkopru wkoll inizjattivi marbuta ma’ prattiċi ambjentali tajbin.
It-8 proġetti oħra fit-tieni sejħa taħt din l-iskema li ser jitwettqu permezz ta’ allokazzjoni ta’ kważi €400,000, ser jikkumplimentaw it-13-il proġett li twettqu permezz tal-ewwel sejħa minn 8 Kunsilli Lokali u 3 Kumitati Amministrattivi Għawdxin, b’għajnuna ta’ aktar minn €660,000. Bosta Kunsilli Lokali wettqu proġetti sostanzjali u allura setgħu igawdu mill-għajnuna massima ta’ €70,000 li tirrifletti 95% tal-istima sħiħa ta’ kull proġett filwaqt li oħrajn użaw din l-opportunità biex iwettqu minn tnejn sa’ tlett proġetti u setgħu ukoll jibbenefikaw mill-istess għajnuna massima. Il-Ministru Giovanna Debono qalet li dawn kollha kienu jew ser ikunu proġetti li ser ikomplu jtejbu faċilitajiet, servizzi u ambjenti oħra kemm għar-residenti rispettivi tal-lokalitajiet kif ukoll għal oħrajn li jżuru l-lokalitajiet għal skopijiet turistiċi jew skopijiet oħra. Hija sostniet li l-Ministeru għal Għawdex ser ikompli joffri għajnuna u kollaborazzjoni lill-Kunsilli Lokali u Kumitati Amministrattivi Għawdxin kollha kif ilu jsir sa mit-twaqqif tagħhom. “Dan jawgura tajjeb biex nkomplu naħdmu flimkien għal Għawdex aħjar’ temmet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.
Flimkien maż-żewġ sejħiet taħt din l-iskema, il-Ministeru għal Għawdex ikkordina ħidma marbuta ma’ skema oħra indirizzata lejn l-Għaqdiet mhux Governattivi li joperaw f’Għawdex. Permezz ta’ dawn iż-żewġ skemi ser ikunu twettqu 59 proġett fid-diversi lokalitajiet madwar Għawdex b’għajnuna ta’ madwar €2.5 miljun mill-vot ta’ Eko Għawdex.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017