14-IL NUTARA ĠODDA JINGĦATAW IL-WARRANTS NOTARILI
F’ċerimonja qasira li saret kmieni wara nofsinhar u li ġiet preseduta mill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi, 14-il nutara ġodda rċevew il-warrants tagħhom. Il-Ministru Azzopardi qal illi huwa ta’ sodisfazzjon kbir illi aktar studenti qed ikomplu javvanzaw fl-istudju tagħhom sabiex jispeċċjalizzaw fil-qasam li jkun tant għal qalbhom. Huwa feraħ lin-nutara l-ġodda u awguralhom li jwettqu l-ħidma tagħhom bid-dinjita li dan ix-xogħol jixraqlu.
Preżenti għaċ-ċerimonja, kien hemm ukoll is-Sur Paul Zahra, Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta,Negozji Żghar u l-Konsumatur, in-Nutar Clinton Bellizzi, President tal-Kunsill tan-Nutara, kif ukoll is-Sur Paul Callus l-Aġent Nutar tal-Gvern.
Il-Ministru Azzopardi, ta’ informazzjoni dwar l-emendi riċenti li saru fil-liġi notarili. Huwa qal li dawn l-emendi huma l-aktar emendi estensivi li saru minn mindu l-ligi daħlet fis-seħħ fl-1927. Dawn saru sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi kemm tan-nutara kif ukoll tal-klijenti tagħhom. L-emendi saru b’konsultazzjoni mal-Kunsill Nutarili u jindirizzaw ir-responsabbiltajiet tan-nutara li għandhom rwol importanti fi ħdan is-socjeta’. Dawn l-emendi jistabilixxu dmirijiet li għandu n-nutar, li qabel ma kienux definiti fil-liġi; fosthom ġie identifikat l-obbligu ta’ ricerka min-naħa tan-nutar; żdiet iż-żmien tal-prattika ta l-istudenti nutarili minn sena għal sentejn; ġie mwaqqaf notarial deposit account li fih imorru flus li persuna tkun fdat lin-nutar; kif ukoll ġie stabbilit l-obbligu li n-nutar ikollu assikurazzjoni li tħares l-interess tal-klijent f’każ ta’ danni mitluba. B’din il-liġi l-Kunsill Nutarili issa se jkollu s-setgħa li jagħmel kodiċi ta’ etika għan-nutara kollha.
In-Nutara l-ġodda huma:
Aquilina Cheryl Ann,
Bonello Maria,
Bugeja Ann,
Bugeja Sarah,
Debattista Stephanie,
Grima Joel,
Mamo Maria Roberta,
Marmorato Stefania,
Micallef Andrea,
Scerri Sarah,
Soler Rossella,
Valletta Karen,
Vella Thomas,
Zahra Sylvianne
Il-Ministru Azzopardi qal ukoll kif il-Gvern Malti qed iġib fuq quddiem l-interessi tan-Nutara Maltin u Għawdxin u dan billi emenda l-liġi notarili b’tali mod li Nutara Ewropej li jixtiequ jipprattikaw ix-xoghol notarili f’pajjiżna, jridu jkunu jafu jiktbu u jitkellmu sew kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliz. Dan sar sabiex il-Gvern Malti jissalvagwardja l-interess nazzjonali.
Fl-aħħar nett, il-Ministru Azzopardi saħaq li kemm in-Nutara Maltin u Għawdxin għandhom rwol importanti ħafna fis-soċjeta u tali rwol għandu jirrifletti l-prinċipji bażiċi u sodi tal-onesta, l-lealtà u r-rispett.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017