14,700 IGGRADWAW MILL-MCAST FI 8 SNIN
L-ewwel studenti iggradwaw mill-MCAST fis-sena akkademika 2003/2004 wara li temmew il-korsijiet tagħhom. Dik is-sena kienu ggradwaw 1218 student. Dan in-numru baqa’ jiżdied kull sena u sa tmiem is-sena akkademika 2010/11 – jiġifieri f’perjodu ta’ tmien snin, iggradwaw b’kollox total ta’ 14,752 student minn din l-istituzzjoni, li l-parti l-kbira tagħhom illum qed jaħdmu fl-industrja lokali. Dan qalitu l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina meta l-Ġimgħa fil-għaxija inawgurat l-MCAST Expo – fiera li fiha wieħed jista’ jara u jikseb tagħrif dwar il-korsijiet u s-servizzi kollha li joffri l-MCAST lill-istudenti tiegħu.
Is-suċċess tal-MCAST bħala istituzzjoni li toffri opportunitajiet fl-edukazzjoni vokazzjonali, ma jiċħdu ħadd. Għaxar snin ilu l-MCAST fetaħ b’1,500 student u llum għandu 6,170 student full time u eluf oħra isegwu korsijiet part-time.
F’din il-fiera wieħed jista’ jara il-firxa kbira ta’ korsijiet li l-MCAST joffri f’kull livell – minn dak ta’ Foundation sa dak ta’ Degree. B’kollox f’din is-sena akkademika dan il-Kulleġġ kien qed joffri għażla minn 156 kors full-time u dawn se jkomplu jiżdiedu f’Settembru li ġej.
Iż-żgħażagħ li issa lestew l-edukazzjoni obbligatorja iridu jagħmlu għażla dwar x’karriera jridu jaqbdu u allura x’korsijiet iridu jidħlu għalihom. Hu importanti li wieħed jagħmel għażla tajba għax minnha jiddependi l-futur tiegħu. Tkun ħasra li xi ħadd jagħżel li jidħol għal xi kors għax imbuttat minn kunsiderazzjonijiet kapriċċużi, per eżempju, biex ikun fl-istess kors ma sieħbu u mbagħad isib li l-kors li daħal għalih mhux adattat għalih u wara sena jipprova jibdel u jidħol għal kors differenti. Ikun ħela sena minn ħajtu.
Għalhekk matul il-ġranet ta’ din l-Expo se jkun hawn ukoll min jagħti tagħrif u pariri dwar il-korsijiet kollha li wieħed jista’ jagħżel minnhom, għax tant hawn li wieħed faċilment jitfixkel u jagħmel għażla żbaljata.
Il-Ministru Cristina qalet li l-Edukazzjoni Vokazzjonali li joffri l-MCAST, tipprepara n-nies għal impjieg jew karriera f’diversi livelli. Din hi tip ta’ edukazzjoni li tagħmel enfasi akbar fuq l-attivita manwali u prattika marbuta ma sengħa jew vokazzjoni u twassal sal-livell ta’ Higher National Diploma u aktar. Fil-fatt, fl-aħħar sentejn, l-MCAST kien qed joffri wkoll il-possibilta’ lill-istudenti tiegħu li jiksbu l-Higher National Diploma biex ikomplu sa degree.
Dawn huma żgħażagħ li fl-MCAST sabu min jgħinhom jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u joffrilhom metodi ta’ tagħlim li żammewlhom l-interess u xprunawhom biex jimxu ‘l quddiem u jkomplu sa ma temmew b’suċċess il-korsijiet li daħlu għalihom.
Il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija mhux istituzzjoni edukattiva għal dawk l-istudenti li forsi ma jiksbux biżżejjed kwalifiki biex imorru l-Universita’. Mijiet ta’ żgħażagħ kull sena, ifittxu l-MCAST avolja għandhom biżżejjed kwalifiki biex jidħlu l-Universita. Imma jagħżlu din l-istituzzjoni edukattiva b’għażla konxja u bi ħsieb.
Hu veru wkoll li l-Kulleġġ qed joffri opportunitajiet lil żgħażagħ li għal raġunijiet differenti ma rnexxielhomx jiksbu biżżejjed ħiliet mill-ewwel biex ikomplu javanzaw. Għal dawn in-nies l-MCAST ħoloq korsijiet apposta biex filwaqt li jgħinhom jiksbu ħiliet bażiċi joffrilhom iċ-ċans li jitħarrġu u jiksbu ħiliet biex iwassluhom ikollhom impjieg u mpjieg tajjeb. Kienu ħafna dawk iż-żgħażagħ li bdew Foundation Course u baqgħu telgħin biex kisbu anke degree.
Il-Ministru saħqet li s-suċċess tal-MCAST hu frott tal-flessibilta fil-korsijiet tiegħu. Korsijiet bażati fuq metodi ta’ tagħlim differenzjat li toffri din l-istituzzjoni. Mertu tal-lekċerers u l-amministrazzjoni u l-Bord tal-Gvernaturi tal-Kulleġġ li jagħtu d-direzzjoni.
Parti mis-suċċess hi dovuta wkoll għas-sinerġija qawwija li teżisti bejn l-MCAST u l-industrja li hi ta’ min ikompli jinkoraġġiha. Biżżejjed wieħed iħares lejn il-Bord tal-Gvernaturi u jsib li hemm komponent qawwi li ġej mill-industrja.
Il-Ħidma flimkien bejn l-MCAST u l-industrja tat u se tkompli tagħti l-frott. Diġa kellna l-eżempju tal-industrja tal-manutenzjoni fl-avjazzjoni, tal-industrja tal-farmaċewtika u industrji oħra li resqu lejn l-MCAST u flimkien fasslu programmi u korsijiet meħtieġa għal dawn l-industrji. L-MCAST offra dawn il-korsijiet lill-isudenti tiegħu u llum l-industrji huma moqdija għax sabu ħaddiema preparati skont il-bżonnijiet tagħhom.
Għalhekk il-Ministru ħadet din l-okkażżjoni fejn kienu preżenti numru ta’ industrjalisti, biex ħeġġithom jersqu lejn l-MCAST jekk iħossu l-bżonn li jkollhom ħaddiema preparati għall-industrji tagħhom. Dan hu meħtieġ biex ikollna ħaddiema preparati biex jaħtfu l-opportunitajiet ġodda ta’ mpjieg li l-Gvern hu impenjat li jkompli joħloq permezz ta’ investiment lokali u barrani li jirnexxielu jġib lejn pajjiżna.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni temmet billi awgurat li din l-inizjattiva jkollha suċċess u tgħin biex numru ta’ żgħażagħ jagħżlu li jkomplu jistudjaw fl-MCAST fejn jistgħu jiksbu ħiliet u kwalifiki li jiggarantulhom xogħol tajjeb u ħafna sodisfazzjon.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017