Left arrow Go Back

GĦAWDEX IGAWDI MINN PROĠETT FL-GĦARB PERMEZZ TA’ FONDI EWROPEJ

pr1405
Date Icon 22/06/2012

“Il-Pjazza Żjara tal-Madonna fl-Għarb ser tkun qed iżżid mal-attrazzjonijiet storiċi u pittoreski f’dawn l-inħawi u b’hekk tkompli ssaħħaħ ukoll l-attrazzjonijiet turistiċi fil-gżira ta’ Għawdex.”

Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex waqt l-inawgurazzjoni ta’ fażi oħra ta’ proġett koordinat mill-Kunsill Lokali tal-Għarb. Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ aktar minn €636,000 bis-saħħa ta’ kofinanzjament taħt Miżura 323 bħala parti mill-proġett ta’ konservazzjoni b’rabta mal-Kultura u t-Turiżmu fl-Għarb, fl-isfond tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali għal Malta 2007 – 2013.

Il-proġett sħiħ ikopri restawr fil-Kappella ta’ San Dimitri u dik taż-Żejt, restawr tal-Pont Ta’ Sdieri, bini ta’ ħitan tas-sejjiegħ u restawr estensiv fil-pjazza prinċipali tal-lokalità. Ix-xogħol fil-pjazza kien jinkludi fost l-oħrajn ir-restawr tas-Salib tal-Pjazza u kisi bil-porfido. Attrazzjonijiet ewlenin huma l-Arloġġ tax-Xemx u funtana, li qed ikomplu jsebbħu l-pjazza, filwaqt li għad irid isir xogħol ta’ restawr f’xelter li kien jintuża fi żmien il-gwerra.

L-Onor. Giovanna Debono faħħret l-inizjattivi meħuda mill-Kunsill Lokali tal-Għarb li kien proattiv u għaqli fl-użu ta’ skemi u sejħiet oħra, fosthom dawk tal-fondi Ewropej li qed jgħinu biex jintlaħqu wkoll objettivi mat-titjib tal-kwalità tal-ħajja f’inħawi rurali. Dan qed jikkontribwixxi wkoll fl-impenn u l-ħidma biex jintlaħqu wkoll l-objettivi marbuta ma’ Eko Għawdex. Proġett ieħor li gawda minn investiment sostanzjali minn fondi Ewropej kien dak ta’ rijabilitazzjoni estensiva fl-inħawi ta’ Wied il-Mielaħ. Dan il-proġett sar ukoll b’riżultat tal-għeluq tal-outfall tad-drenaġġ f’dawn l-inħawi pittoreski u panoramiċi li jinkludu wkoll tieqa impressjonanti mħaffra mill-maltemp fil-blat samm tal-inħawi. Il-Ministru għal Għawdex spjegat ukoll kif l-Għarb ibbenefika wkoll mill-iskema tal-Ministeru għal Għawdex marbuta ma’ Eko Għawdex biex jitwettqu proġetti oħra fosthom it-twaqqif ta’ mużew li fih qed jiġu esposti oġġetti sagri u xogħlijiet artistiċi marbuta mal-istorja tal-parroċċa. Il-Ministru Debono awgurat li l-komunità tal-Għarb tissokta l-impenn responsabbli biex tkompli tikkonserva s-sbuħija naturali u karatteristika kif ukoll il-wirt storiku ta’ din il-lokalità.

Il-programm tal-inawgurazzjoni tax-xogħlijiet fil-Pjazza Żjara tal-Madonna kien jinkludi wkoll messaġġ mis-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Għarb is-Sur David Apap, interventi mill-Perit Edward Scerri dwar ir-Restawr tas-Salib tal-Pjazza u mill-Perit Alexei Pace dwar l-Arloġġ tax-Xemx, qari ta’ poeżija tal-Kav. Joe M. Attard u interventi mużikali mill-Band Brass Delight. Fi tmiem l-attività, il-Ministru għal Għawdex u s-Sindku tal-Għarb xegħlu s-swiċċ tal-funtana u b’hekk ġie inawgurat il-proġett ta’ tisbiħ tal-pjazza.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow