Left arrow Go Back

DISKORS MILL- ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ WAQT IT-TNEHDIJA TAS-SERVIZZ EMCARE, LI SAR B’KOOPERAZZJONI BEJN IL- IL-CARE MALTA U 6PM – IL-ĦAMIS, 21 TA ĠUNJU 2012 – SAN ĠILJAN

pr1389
Date Icon 21/06/2012

Sur Vassallo,

Onorevoli membri,

Kollegi,

Huwa ta’ pjaċir għalija li bħala Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita`, nassisti għal żvilupp ieħor mis-settur privat fil-qasam tal-kura tas-saħħa. 

Kif tafu, kien il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern li sa mill-1987 fehem l-importanza li s-settur privat ukoll jinvesti f’dan il-qasam u llum, wara dawn is-snin kollha, naraw żvilupp wara l-ieħor, f’oqsma differenti, iseħħu.  L-aktar servizz li nisimgħu dwaru huwa bla dubju dak tar-residenzi għall-anzjani. Filwaqt li dan ukoll kien pass importanti li fetaħ il-bibien beraħ għall-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u s-settur privat, għall-benefiċċju ta’ mijiet ta’ Maltin u Għawdxin, matul is-snin is-servizzi fis-settur privat żdiedu u infirxu.

Biss biss, matul dan l-aħħar xahar ġew inawgurati estensjoni ta’ Sptar Privat, servizz tal-qalb minn sptar privat ieħor u llum se jiġi imniedi dan is-servizz ferm interessanti.

Huwa tajjeb li napprezzaw l-importanza ta’ dan kollu.  Minn dan l-interess mis-settur privat ingawdu lkoll.  Il-fatt li hawn dawn is-servizzi kollha fil-privat ifisser l-ewwel u qabel kollox li għandna popolazzjoni li qed tagħti każ ta’ saħħitha.

Illum nafu li bħala popolazzjoni qed ngħixu aktar. Niftakarni għadni student tal-mediċina meta l-aħbar li xi ħadd kien qrib li jagħlaq il-mitt sena kienet xi ħaġa sensazzjonali.  Illum, fir-Residenza San Vinċenz De Paul hemm persuni li għandhom aktar minn hekk.  F’mument minnhom, is-sena li għaddiet, saħansitra kien hemn 11-il anzjana li kellhom aktar minn mitt sena.

Illum għandna persuni ta’ eta` pjuttost avvanzata li għadhom attivi fil-komunita` fejn jgħixu u allura s-servizzi, kemm tal-Gvern u anke tal-Privat, fil-komunita` huma essenzjali biex dak li jkun jgħix ħajja kemm jista’ jkun komda.

Illum qed nesperjenzaw bidla oħra.  Niftakar meta lħaqt Segretarju Parlamentari ridt nindirizza l-problema li kellna ta’ nuqqas ta’ informazzjoni, u rajna kif għamilna biex inġibu lill-poplu konxju li l-istil ta’ ħajja tiegħu kienet determinanti għal saħħtu.  Illum kulħadd jaf kemm hu importanti li tagħmel eżerċizzju u kemm hu importanti li tagħżel x’tiekol. 

Anke hawn, il-privat għandu sehem ewlieni.  Żgur li jekk taħseb ftit tinnota immedjatament kemm matul l-aħħar snin qed jiġu offruti servizzi varji ta’ dieticians, nutritionists u anke ta’ professjonisti u għaqdiet sportivi.

Fi kliem ieħor, illum kulħadd konxju li l-prevenzjoni hi ferm aktar importanti mill-kura, irrilevanti mill-eta`.

Bla dubju li l-qasam tas-saħħa hu mimili opportunitajiet, li minnhom infushom iġibu magħhom opportunitajiet oħra.  Ma ninsewx li kwalunkwe investiment mill-privat kif ukoll mill-Gvern iġib miegħu żieda fl-impjiegi kif ukoll żieda fis-servizzi u wkoll servizzi ġodda.

Illum qed naraw kif kumpanija privata rnexxiela tgħaqqad dan kollu biex toffri servizz ġdid, bl-użu tat-teknoloġija li tippermettielna nħarsu b’mod differenti lejn għadd ta’ servizzi.

Ftit tax-xhur ilu nihdejt il-MY Health li tagħti aċċess lill-pazjent u lit-tabib tal-familja għar-rekords mediċi tal-gvern.  Mod ta’ kif it-teknoloġija tiffaċilita l-proċess.

Għalhekk huwa biss ta’ pjaċir għalija li nara dan l-investiment li qiegħed isir bejn żewġ kumpaniji li huma meqjusa bħala pjunieri fis-setturi tagħhom, u li flimkien għarfu l-opportunita` li joħolqu servizz ieħor innovattiv għall-Maltin u l-Għawdxin.

Il-Care Malta u s-6pm semmew dan is-servizz ġdid EMCARE, u interessanti li bħala slogan għażlu “we’re with you”.

Fil-fatt naħseb li ma setax jiġi magħżul slogan aħjar, għax illum, il-kollaborazzjoni bejn il-professjoniti f’setturi differenti wasslet biex aħna lkoll ikollna dan is-servizz ġdid li permezz tat-teknoloġija se jkun magħna l-ħin kollu.

Mill-ġdid nirringrazzjakom tal-istedina, nifirħilkom għal din l-inizjattiva u nawguralkom kull suċċess.

Grazzi 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow