Left arrow Go Back

IL-GVERN IKOMPLI JINVESTI FL-INTERESS TAL-FAMILJA

pr1381
Date Icon 20/06/2012

Bil-ftuħ taċ-Ċentru għall-Ħarsien tat-Tfal fil-Marsa, il-Gvern qed ikompli jifrex dawn il-faċilitajiet madwar il-pajjiż kollu biex ikunu ta’ servizz għal dawk il-familji li jixiequ jkollhom is-serħan il-moħħ li uliedhom qegħdin f’ambjent tajjeb sakemm huma jkunu qegħdin fuq il-post tax-xogħol jew jaqdu ħtiġijiet oħra tal-familja.

Dan qalitu l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina meta inawgrutat iċ-Child Care Centre “Il-Pespus”, anness mal-iskola primarja tal-Marsa. Għaċ-ċerimonja kien preżenti wkoll is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, Clyde Puli. Il-Ministru fakkret li dawn iċ-ċentri jitmexxew fuq il-prinċipju tal-Educare li jfisser li filwaqt lit-tfal ikunu mħarsa u ndukrati, jibdew ukoll jitgħallmu jitħalltu ma’ tfal oħra, u sa minn età bikrija jibdew jieħdu edukazzjoni informali li hi importanti ħafna għall-iżvilupp tagħhom.

Hi enfasizzat li dawn iċ-ċentri m’humiex xi post fejn il-ġenituri jipparkjaw lil uliedhom b’kapriċċ u l-ġenituri ma jistgħux jabdikaw għall-obbligu tagħhom li jkunu huma l-ewwel edukaturi ta’ uliedhom.

Min-naħa tiegħu l-Gvern jibqa’ impenjat li jkompli jifrex dan is-servizz u jtejbu billi fost l-oħrajn, jekk ikun hemm talba, itawwal il-ħinijiet tal-ftuħ ta’ dawn iċ-ċentri kif diġà għamilna fejn intweriet din ix-xewqa. Dan huwa servizz għall-familji, imma hu wkoll servizz għat-tfal ċkejknin tagħna, li għalkemm f’età tant vulnerabbli għandhom ukoll id-drittijiet tagħhom li jridu jkunu rispettati.

Kif nenfasizzaw fil-Politika Nazzjonali għat-Tfal, is-snin bikrin huma kruċjali għall-iżvilupp ta’ kull tifel u tifla u għalhekk hu importanti li l-istat ikompli jinvesti f’servizzi immirati lejn il-ħtiġijiet tat-tfal f’din l-età. Dawn is-servizzi jridu jkunu aċċessibbli għat-tfal kollha skont il-ħtiġijiet diversi u differenti tagħhom.

Infatti, għalkemm dawn iċ-ċentri huma bi ħlas, f’każ ta’ ġenituri li ma jkunux f’pożizzjoni li jħallsu l-miżata sħiħa jew ma’ jistgħu jħallsu xejn, il-bibien huma xorta miftuħa għal uliedhom. F’din l-età vulnerabbli it-tfal jinħtieġu protezzjoni u din tingħatalhom b’servizzi ta’ interventi bikrija bbażati fil-komunità, kemm lilhom kif ukoll lill-familji tagħhom, kif ukoll bil-ftuħ ta’ dawn iċ-ċentri għall-ħarsien tagħhom.

Kull tifel jew tifla, żgħar kemm huma żgħar għandhom dritt li l-individwalità tagħhom tkun rispettata u għalhekk jekk ikun il-każ anke f’dawn iċ-ċentri jitfassal pjan individwali għal kull min jiġi fihom.  Hawnhekk it-tfal jitgħallmu permezz tal-logħob u l-kreattività f’ambjent li jippromwovi l-iżvilupp ta’ kull wieħed u waħda minnhom. Il-Ministru Cristina temmet tgħid li Ċentru għall-Ħarsien tat-Tfal hu l-pedament li fuqu jinbnew il-ħiliet tat-tfal tagħna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow