STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI
Oppożizzjoni li tfixkel u nieqsa mill-ideat
Kif kulħadd jaf, Malta qed timxi bi pjan serju u maqbul mal-Unjoni Ewropea fuq kif se tilħaq il-mira stabbilita ta’ 10% ġenerazzjoni ta’ enerġija nadifa sas-sena 2020. Pajjiżna, minkejja l-fatt li l-miri stabbiliti jibdew mis-sena 2012 sas-sena 2020, kif tindika l-istatistika ewropea diġa` beda jżid fl-użu ta’ enerġija nadifa li għandha twassal biex jintlaħqu l-miri stabbiliti. Il-pjan jinkludi l-proġett tal-irdieden tar-riħ, aktar panelli fotovoltajiċi inkluż fuq soqfa ta’ binijiet pubbliċi, u aktar enerġija mill-iskart.
Il-Ministeru jinnota li din l-istatistika ppublikata mill-EUROSTAT hi marbuta mas-sena 2010. Minn dak iz-zmien ’l hawn diġa daħlu fis-seħħ:
il-Kumpless Ambjentali ta’ Sant’Antnin f’Wied il-Għajn li qed jipproduċi l-enerġija nadifa mill-iskart,
l-impjant ta’ barkat li wkoll mid-dranaġġ qed jiġġenera l-enerġija biex jissuplixxi lill-istess impjant,
qed jintuża aktar minn miljun u nofs litru bio-diesel mħallat mad-diesel,
kif nħarġu skemi biex aktar familji u negozji jinvestu f’sistemi ta’ panelli solari u solar water heaters. Intant kienu mat-12,000 familja li fl-aħħar snin ibbenefikaw minn skemi biex installaw dan l-apparat.
Daħlet fis-seħħ sistema ta’ feed-in tariffs fejn għal kull unit ta’ enerġija ġġenerat mill-pannelli fotovoltajiċi il-familji jingħataw 25 ċenteżmu ta’ ewro. Bħala parti mil-pjan tal-Gvern li Għawdex ikompli jkun gżira ekoloġika, l-familji għawdxin bdew jingħataw 28 ċenteżmu għal kull unit iġġenerat.
Inħareġ tender biex 67,000 metru kwadru ta’ soqfa ta’ bini pubbliku jintuża biex jinksew b’sistemi ta’ panelli fotovoltaiċi.
Li missu qal l-Onor Brincat hu li kull meta l-Gvern ħabbar il-pjanijiet tiegħu favur aktar enerġija nadifa, l-Opposizzjoni baqgħet siekta jew fixklet. Meta l-Gvern ħabbar il-pjan għall-iżvillup ta’ Wind Farms f’pajjiżna l-Kap tal-Opposizzjoni nnifsu kien mar ibeżża l-bdiewa kontra din it-teknoloġija, u qal li l-arbli tat-turbini jagħmlu l-ħsara lill-ilma tal-pjan. Ħrafa li qatt sa llum ma ssostanzjha. L-Opposizzjoni dejjem baqgħet siekta u lanqas biss ipparteċipat f’xi proċess ta’ konsultazzjoni pubblika relatat ma’ dan il-qasam u saħansitra fixklet u opponiet teknoloġiji li jiġġeneraw l-enerġija bħalma huma dawk li jiprovdu l-enerġija nadifa mill-iskart.
Is-serjeta` titlob mod ieħor, pajjiżna u l-poplu jixraqlu aħjar.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017