IS-SETTUR TAL-MANIFATTURA WKOLL QED JIKKONTRIBWIXXI FIL-ĦOLQIEN TA’ POSTIJIET TAX-XOGĦOL – FL-AĦĦAR SENA 38 MILJUN EWRO F’TNAQQIS MIT-TAXXI BĦALA GĦAJNUNA GĦALL-INVESTIMENT FAVUR L-INDUSTRIJA
Is-settur tal-manifattura wkoll qed jikkontribwixxi fil-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol f’pajjiżna. Skont l-istatistika dwar il-Prodott Gross Domestiku, l-investiment fl-ewwel kwart tas-sena żdied b’5%, filwaqt li l-Eurostat ikkonfermat li bejn Jannar u Marzu, Malta kellna żieda ta’ 9% fl-esportazzjoni, waħda mill-akbar żidiet fiż-żona ewro.
Dan qalu l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, Tonio Fenech, wara żjara fix-shopfloor u fl-uffiċini tal-kumpanija Microtek Medical Malta, li tispeċjalizza fil-produzzjoni ta’ prodotti li jintużaw fil-qasam mediku.
Din il-kumpanija kompliet tespandi fl-aħħar snin, tant li fl-aħħar sentejn żiedet l-impjiegi b’madwar 20, u llum tħaddem kważi 90 ruħ. Dan kien possibbli wkoll grazzi għall-għajnuna li l-Gvern, permezz tal-Malta Enterprise ta, fosthom mill-Iskema ta’ Għajnuna għall-Investiment, kif ukoll għajnuna għat-twaqqif tad-dipartiment tar-riċerka u żvilupp.
Il-Ministru Fenech spjega li fl-aħħar sena, il-Gvern permezz tal-Malta Enterprise approva 38 miljun ewro f’tnaqqis mit-taxxi bħala għajnuna għall-investiment favur l-industrija. Dawn taw appoġġ għal investiment totali ta’ kważi 180 miljun ewro minn diversi fabbriki u negozji Maltin.
“Is-suċċess ta’ Microtek jirrappreżenta l-fatt li diversi oqsma mis-settur tal-manifattura qed ikomplu jesperjenzaw tkabbir. Dan qed jirrifletti ruħu wkoll f’żieda fl-impjiegi, hekk kif fl-ewwel kwart ta’ din is-sena Malta kellha waħda mill-aqwa żidiet fil-ħolqien tal-impjiegi bi 2%, filwaqt li fl-istess perjodu kompla jiżdied il-qagħad fuq livell Ewropew.”
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017