DISKORS MINN DOTT. VANNI XUEREB, KAP TAL-MEUSAC, WAQT IL-KONFERENZA ORGANIZZATA MILL-MEUSAC BIT-TEMA “GĦAWDEX: GŻIRA-REĠJUN FL-UNJONI EWROPEA” – L-IMĠARR, GĦAWDEX – IT-TLIETA, 12 TA’ ĠUNJU 2012
Ministru,
Sinjuri,
F’isem il-MEUSAC, għandi l-pjaċir li nilqagħkom għal din il-konferenza nazzjonali dwar “Għawdex: Gżira-Reġjun fl-Unjoni Ewropea”. Ta’ kull sena, il-MEUSAC jorganizza attività biex jitfakkar l-anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004. Din is-sena dehrilna li jkun tajjeb li ndawru l-ħarsa tagħna lejn Għawdex li, għalkemm parti integrali mir-Repubblika ta’ Malta, għandu karatteristiċi partikolari li ġew rikonoxxuti mill-Gvern Malti fin-negozjati għas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, it-Trattat ta’ Sħubija tal-2003 fih Dikjarazzjoni ta’ Malta “li jinnota li r-reġjun-gżira ta’ Għawdex għandu speċifiċitajiet ekonomiċi u soċjali kif ukoll żvantaġġi li joħorġu mill-effetti kombinati tal-insularità doppja tiegħu, il-fraġilità ambjentali tiegħu, id-daqs żgħir tal-popolazzjoni tiegħu flimkien ma’ densità għolja ta’ popolazzjoni kif ukoll ir-riżorsi limitati inerenti tiegħu.”
Tmien snin wara s-sħubija, il-MEUSAC xtaq li nippruvaw niffukaw fuq kemm u kif fil-gżira Għawdxija s-sħubija fl-Unjoni Ewropea ssarrfet fi progress li qed jindirizza l-bżonnijiet partikolari ta’ Għawdex. F’dan id-dawl, il-preżentazzjoni mis-Sinjura Marlene Bonnici, Segretarju Permanenti (Fondi tal-UE) fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru żgur li ħa tgħinna nagħrfu aħjar kif Għawdex gawda u qed igawdi minn ammonti sostanzjali ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea li qed imorru għall-iżvilupp tal-infrastruttura, l-industrija, is-servizzi, il-patrimonju kulturali, kif ukoll il-bżonnijiet soċjali ta’ din il-gżira-reġjun. Fil-fatt, Għawdex ibbenefika minn madwar għaxra fil-mija tal-fondi strutturali allokati għal Malta għall-perjodu 2007-2013.
Għalkemm dan kollu hu investiment fil-futur, il-fatt li Għawdex hu meqjus bħala gżira-reġjun fl-Unjoni Ewropea ifisser li jrid ikollna wkoll viżjoni għalih. Ngħid “ikollna” u mhux “ikollkom” għaliex għalkemm xi wħud minna qsamna l-fliegu bejn iż-żewġ gżejjer biex ġejna hawn dalgħodu, ngħid għalija, il-viżjoni dwar Għawdex għandha tinħass bħala prijorità għal kull wieħed u waħda minna, għax Għawdex m’għandux jitqies biss f’termini ta’ “x’ħa jieħu / jakkwista” iżda bħala reġjun li għandu kontribut enormi x’joffri f’kull aspett tal-ħajja ta’ dan il-poplu wieħed li jgħix f’dawn il-gżejjer. Għalhekk, fit-tieni parti tal-konferenza, il-ġurnalist Reno Bugeja ħa jmexxi diskussjoni li matulha erba’ persuni prominenti f’Għawdex li ġejjin minn erba’ setturi importanti f’din il-gżira - l-industrija, il-kunsilli lokali, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili - ħa jgħinuna nirriflettu aħjar fuq il-viżjoni ta’ Għawdex bħala gżira-reġjun fl-Unjoni Ewropea.
Bla dubju ta’ xejn, il-viżjoni politika hi wkoll ta’ importanza għall-futur ta’ Għawdex. Il-viżjoni tal-Gvern preżenti tissejjaħ “Eko-Għawdex” - viżjoni li tara lil Għawdex u lis-soċjetà Għawdxija jittrasformaw ruħhom f’realtà sostenibbli, kemm mil-lat ambjentali kif ukoll minn dak ekonomiku u soċjali. Hu għalhekk ta’ pjaċir kbir għalina li f’din il-konferenza ħa jsir intervent mill-Ministru għal Għawdex, is-Sinjura Giovanna Debono filwaqt li d-diskors tal-għeluq ħa jsir mill-Prim Ministru, Dott. Lawrence Gonzi. U issa għandi l-pjaċir nistieden lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, Dott. Chris Said, li hu responsabbli mill-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea, biex jagħmel id-diskors tal-ftuħ ta’ din il-konferenza nazzjonali.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017