Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IL-KONFERENZA ORGANIZZATA MILL-MEUSAC BIT-TEMA “GĦAWDEX: GŻIRA-REĠJUN FL-UNJONI EWROPEA” – L-IMĠARR, GĦAWDEX – IT-TLIETA, 12 TA’ ĠUNJU 2012

pr1321
Date Icon 12/06/2012

Onorevoli Ministri,

Sur Chairman,

Mistednin Distinti,

Sinjuri,

Meta fl-1 ta’ Mejju 2004 indirizzajt lill-poplu Malti u Għawdxi kont iddiskrevejt is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea bħala proġett. 

Proġett li beda tmien snin ilu u li għadu għaddej. 

Proġett bl-isfidi tiegħu u li diġà qiegħed jagħti riżultati konkreti fil-ħajja tagħna lkoll.

Huwa għalhekk ta’ pjaċir għalija li qiegħed hawn magħkom illum fil-gżira Għawdxija biex flimkien naraw l-iżvilupp ta’ Għawdex bħala reġjun fl-Unjoni Ewropea. 

F’dan il-proġett nazzjonali tagħna, Għawdex mhux biss huwa sieħeb imma wisq aktar huwa protagonist.  Il-Gvern immexxi minni dejjem emmen fil-bżonnijiet uniċi u partikulari ta’ Għawdex.  Bżonnijiet li narawhom bħala opportunitajiet.

Il-proġett Ewropew hu wieħed ta’ għaqda ta’ pajjiżi li jridu jbaħħru fil-mewġ tal-globalizzazzjoni.

Tul dawn l-aħħar erba’ snin rajna u għexna l-effetti negattivi li tista’ ġġib magħha l-globalizzazzjoni.  Kriżi fil-banek fl-Amerika u s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja f’pajjiżi oħra fl-Ewropa waslet biex il-fabbriki f’pajjiżna jħossu dan l-effett u għalhekk il-Gvern intervjena biex isalva l-impjiegi tal-ħaddiema. 

Din hi r-realtà li rridu u qed ngħixu fiha.  Quddiem din ir-realtà aħna kommessi lejn il-miri tagħna.  Il-Gvern dejjem kien ċar u konsistenti fuq il-miri li għandna u li jiggwidaw il-ħidma tagħna għall-poplu Malti u Għawdxi:

• li nkabbru l-attività ekonomika;

• li noħolqu aktar xogħol u xogħol aħjar, b’pagi tajbin;

• li noffru l-aħjar servizzi fis-saħħa u fl-edukazzjoni b’xejn;

• li ninvestu biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

Il-ħdima tagħna hija ffukata fuq il-ħajja tagħkom, tfal u kbar, sabiex kulħadd jilħaq il-milja tiegħu.

L-investiment li qed nagħmlu hu xprunat mill-fiduċja li għandna fil-ħaddiema u fl-istudenti Għawdxin.  Komplejna ninvestu fl-edukazzjoni bil-bini ta’ skola ġdida ġewwa Għawdex kif ukoll saħħaħna l-istipendji għall-istudenti Għawdxin, billi anki qed nagħtu allowance ta’ €1,200 lill-istudenti kollha Għawdxin li jistudjaw f’Malta.  L-investiment fl-edukazzjoni qed jissarraf f’aktar studenti Għawdxin ikomplu bl-istudji tagħhom:

• l-istudenti fl-ITS f’Għawdex żdiedu minn 26 fl-2001 għal 82;

• l-istudenti fl-MCAST f’Għawdex żdiedu minn 44 fl-2002 għal 243 student u studenta;

• l-istudenti Għawdxin li jsegwu korsijiet fl-MCAST f’Malta żdiedu minn 5 fl-2001 għal 181;

• illum l-istudenti Għawdxin fl-Università huma 1,035 – id-doppju ta’ kemm kienu 10 snin ilu.

Wara kull numru hemm student, studenta, familja u s-sodisfazzjon tal-ġenituri. 

Irridu ekonomija li toħloq ix-xogħol u l-ġid sabiex jitgawda mill-familji Maltin u Għawdxin f’ambjent nadif u sabiħ.

Għawdex dejjem jingħata prijorità minn dan il-Gvern.  Mas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea mill-ewwel iddikjarajna li mill-anqas 10% tal-fondi jiġu investiti f’Għawdex.  Il-proġetti li saru jinkludu skemi ta’ taħriġ u xogħol, investiment fis-settur tad-diving, fit-toroq u fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi ġewwa Għawdex.

Mill-programm ta’ fondi 2007-2013 ukoll ikkommettejna 10% mill-fondi li ksibna għal pajjiżna.  Sal-lum diġà kkommettejna 72% ta’ dawn il-fondi allokati għal Għawdex li jfisser investiment dirett ġewwa Għawdex ta’ aktar minn €71 miljun.  Fost l-investiment li sar u qed isir f’Għawdex hemm:

• it-triq ta’ bejn l-Imġarr u r-Rabat kif ukoll it-triq tax-Xlendi;

• il-masterplan taċ-Ċittadella b’investiment ta’ aktar minn €14 miljun;

• Villa Rundle li kelli l-pjaċir ninawgura ftit tal-ġimgħat ilu u fejn qed jinġabru mijiet ta’ familji Għawdxin, Maltin u turisti;

• skemi ta’ enerġija nadifa biex aktar familji u negozji Għawdxin jinvestu f’pannelli fotovoltajiċi;

• Ix-xogħol li għaddej bħalissa fil-promenade taż-Żewwieqa;

• Faċilitajiet ġodda għall-istudenti u l-lecturers tal-MCAST f’Għawdex;

• Faċilitajiet ġodda għall-pazjenti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex;

• U tant proġetti oħra mill-Kunsilli Lokali u NGOs li huma attivi sew ġewwa Għawdex.

B’fondi tal-Unjoni Ewropea wettaqna u qed inwettqu diversi proġetti marbuta mal-viżjoni tagħna Eko Għawdex. 

Waqt il-laqgħa tal-Kabinett tal-Ministri li sejjaħt ix-xahar li għadda f’Għawdex, għamilna diskussjoni dwar l-inizjattivi li ttieħdu bħala parti mill-programm tal-Gvern Eko Għawdex fil-Pjan ta’ Azzjoni 2010 – 2012.  F’dan l-ewwel pjan ta’ azzjoni kien hemm 82 miżura differenti li sa issa 61 minnhom saru jew qed jitwettqu.  Taħt dawn il-61 miżura li għaddejjin, hemm 180 proġett u inizjattiva differenti.  Fost dawn hemm il-ħolqien ta’ aktar spazji pubbliċi għall-familji, aktar imsaġar, iż-żjarat li qed isiru fid-djar biex familji jiffrankaw mill-konsum tal-enerġija, l-inċentivi biex familji jinvestu f’PVs u solar water heaters, ħażna aħjar tal-ilma tax-xita għall-bdiewa, it-twaqqif ta’ Ċentru ta’ Riċerka u Żvilupp li jiffoka fuq l-agrikoltura u l-immaniġġjar ambjentali, ir-riabilitazzjoni tal-Qortin, it-tisbiħ tas-soft areas f’Għawdex, ir-riforma tat-trasport pubbliku f’Għawdex li waslet għal żieda qawwija fis-servizzi u fl-użu tal-karozzi tal-linja, it-tisħiħ ta’ Għawdex bħala destinazzjoni turistika distinta fejn isiru waqfiet ukoll bi cruiseliners u proġetti infrastrutturali bħalma huma toroq residenzjali u toroq arterjali.

Iddeċidejna li l-Ministeru ta’ Għawdex jibda jaħdem fuq il-Pjan ta’ Azzjoni (medium term) għall-2013 – 2015, b’konsultazzjoni wiesgħa mal-istakeholders u l-pubbliku.

Għall-Gvern Eko Għawdex tfisser il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin fi gżira li toħloq ix-xogħol. 

F’dawn l-4 snin ħdimna biex noħolqu aktar xogħol f’Għawdex.  Permezz tal-Employment Aid Programme, 486 ħaddiem Għawdxi sab xogħol.  Mit-total kollu tal-ħaddiema li pparteċipaw f’dan il-programm 22% tal-benefiċjarji ta’ dan il-programm fil-fatt ġejjin mill-gżira Għawdxija.  Fl-aħħar 4 snin, l-ETC sabet 700 impjieg lill-ħaddiema Għawdxin.

Komplejna ninvestu fin-negozji Għawdxin biex jitkattar il-kummerċ u n-negozju f’Għawdex u b’hekk jiżdiedu wkoll l-impjiegi.  Nidejna skemi għan-negozji Maltin u Għawdxin permezz tal-Malta Enterprise u aktar minn 50 negozju Għawdxi bbenefika minn dawn il-fondi u komplew jinvestu fil-prodott u s-servizz tagħhom. 

L-iskema tal-MicroInvest fassalniha b’tali mod li tagħti vantaġġi lin-negozji Għawdxin.  Taħt din l-iskema, is-sidien tan-negozji Għawdxin qed igawdu minn 60% tal-investiment fi tnaqqis fl-income tax – rata aktar għolja minn dik Maltija.  Sa issa 350 sid ta’ negozju f’Għawdex gawdew minn tnaqqis fl-income tax sa massimu ta’ €25,000.  B’sodisfazzjon qed naraw rata qawwija ta’ Għawdxin li qed jieħdu din l-iskema talli jinvestu jew jimpjegaw aktar ħaddiema u jingħataw tnaqqis fl-income tax.  Sa issa ħadu din l-iskema 1,500 sid ta’ negozju.  Kważi 1 minn kull 4 huma Għawdxin.  Dan juri l-attività kummerċjali li għaddejja f’Għawdex u s-sens ta’ intrapriża, tal-bżulija u tal-għaqal tal-Għawdxin.

Sinjuri,

Ħdimna biex jiżdiedu aktar l-istudenti li jkomplu bl-istudji tagħhom, biex jiżdied ix-xogħol u jiżdiedu l-ħaddiema f’Għawdex, u biex jiżdied il-kummerċ u n-negozju f’Għawdex.  Nagħarfu li l-ftit baħar li jifred iż-żewġ gżejjer jippreżenta sfidi kbar għall-Għawdxin. 

Qed nagħtu allowance lill-istudenti li jistudjaw Malta.  Nagħtu għajnuna lill-ħaddiema li jaħdmu Malta.  Lis-sidien ta’ negozji qed nagħtuhom skemi vantaġġjużi.  Qed inżidu l-ammont ta’ karozzi li l-vapuri tal-Gozo Channel jistgħu jġorru f’ħin wieħed.  Madanakollu nisimgħu lill-Għawdxin jgħidulna li x-xewqa tagħhom hi li jirbħu l-ħin, għaliex il-ħin tat-traġit iridu jpattu għalih.  Smajna.  Għarbilna u bdejna l-proċess.

Is-sena li għaddiet il-Gvern inkariga lil Transport Malta biex tqabbad lil esperti jagħmlu studju preliminari dwar il-possibilita’ ta’ mina taħt il-baħar li tgħaqqad iż-żewġ gżejjer.  L-istudju ħares lejn diversi aspetti fosthom dawk tekniċi, ekonomiċi u ambjentali.  Dak l-istudju sar, u issa beda l-proċess biex isir feasibility study dettaljat li se janalizza fil-fond għażliet differenti ta’ mina taħt il-baħar li ħarġu mill-ewwel rapport.  B’hekk tkun tista’ tittieħed deċiżjoni finali, wara li jkollna f’idejna studju dettaljat fuq l-għażliet differenti li għandna quddiemna sa issa.  Hekk nieħdu deċiżjoni fis-sod, fl-interess tal-Għawdxin.

Sinjuri,

Tul dawn l-aħħar snin, ħdimna fil-qasam tax-xogħol, fil-qasam edukattiv u soċjali, għamilna proġetti u tejjibna l-infrastruttura Għawdxija u saħħaħna wkoll l-istrutturi sabiex l-Għawdxin tipparteċipaw b’mod attiv u ħaj f’dan il-proġett nazzjonali u Ewropew li qed nagħmlu flimkien.  Irridukom tipparteċipaw f’kull deċiżjoni u għalhekk waqqafna l-uffiċċju tal-MEUSEC u l-MCESD ġewwa Għawdex.  Konxji tal-opportunitajiet kbar li toffri l-Unjoni Ewropea ridna li jkollkom aċċess għall-fondi u opportunitajiet oħra li toffri s-sħubija fl-Unjoni Ewropea. 

Matul din il-leġislatura waqqafna l-Kumitat Reġjonali Għawdxi, li jiġbor madwar mejda waħda s-soċjetà ċivili Għawdxija. Ridna li permezz ta’ dan il-kumitat reġjonali, kull settur Għawdxi jsemma’ leħnu dwar deċiżjonijiet li jkunu se jaffettwaw lill-gżira. Ridna li kulħadd ikun involut sabiex id-deċiżjonijiet jittieħdu f’konsultazzjoni.

Iżda mhux biss.  Ħabbarna ftit tal-ġimgħat ilu li rappreżentant ta’ dan il-Kumitat Reġjonali issa se jkun qed jiġi mistieden jattendi għall-ogħla laqgħat tal-MCESD sabiex anke hawn, leħen Għawdex ikun fl-ogħla struttura, kif għamilna – wara kollox – meta f’kull leġislatura ta’ dan il-Gvern dejjem ħtarna Ministru għal Għawdex.

Sinjuri,

Kif tafu l-isfidi huma ħafna.  Sfidi internazzjonali li qed jolqtu lil kull pajjiż.

Però bħala pajjiż dejjem irnexxielna ngħelbu l-isfidi.  Għawdex ukoll.  Fiduċjużi fikom.  Fiduċjużi fil-kapaċitajiet tagħkom.

Nemmnu fil-potenzjal tagħkom u investejna f’dan il-potenzjal. 

Flimkien se nkomplu ninvestu biex f’Għawdex jitkattar il-ġid u x-xogħol u titjieb il-kwalità tal-ħajja.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow