MIEXI B’RITMU TAJJEB IX-XOGĦOL FUQ IR-RIJABILITAZZJONI TAL-MAGĦTAB
Illum il-Prim Ministru Lawrence Gonzi flimkien mal-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino, żaru x-xogħlijiet li jinsabu għaddejjin bħala parti mir-riabilitazzjoni tal-Magħtab biex din issir park għar-rikreazzjoni tal-familji. Dan hu proġett ieħor li qed isir għall-ġid tat-tfal u tal-familji, u b’hekk titjib il-kwalità tal-ħajja tagħhom. Il-proġett qiegħed joħloq ukoll xogħol għall-ħaddiema li qed jaħdmu biex din iż-żona tinbidel minn dik li kienet ġerħa ambjentali meta kien jintefa skart bl-addoċċ għal park tal-familji.
Fuq ir-rijabilitazzjoni tal-Magħtab qed isir investiment ta’ €16-il miljun. Pajjiżna permezz ta’ fondi ewropej qed jinvesti mat-€30 miljun biex il-miżbliet il-magħluqa; Sant’Antnin f’Marsaskala, l-Qortin f’Għawdex u din tal-Magħtab jinbidlu f’żoni ta’ rikreazzjoni fejn il-pubbliku jkun jista’ jgawdi spazji fil-miftuħ. Ir-rata ta’ kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea hi bir-rata ta’ 85%.
Dan il-proġett li qed isir fuq spazju kbir daqs 50 ground tal-football. Huwa ppjanat li l-proġett tar-riabilitazzjoni jitlesta’ kompletament fl-2013, iżda huwa mistenni li l-ewwel fażi tal-landscaping tkun lesta sa Ottubru 2012. Fl-2013 tibda l-konkluzjoni tal-proċess li l-Magħtab tinbidel f’park għall-familji fejn isiru faċilitajiet għat-tfal u l-familji u jkun hemm iċ-ċertifikazzjoni li l-post jista’ jintuża bħala park.
Ix-xogħlijiet li jinsabu għaddejjin biex din li kienet miżbla ssir park u twarrad jikkonsistu ; f’formazzjoni u capping ta’ slopes, formazzjoni ta’ toroq, kostruzzjoni ta’ 11- il km ħitan tas-sejjieħ, Kostruzzjoni ta’ 37 planting cells, Tħawwil ta’ siġar, pjanti indiġeni u veġetazzjoni oħra, Kostruzzjoni ta’ ġibjun b’kapaċità ta’ 12,000 metru kubu kif ukoll kanal ta’ l-ilma filwaqt li se ssir formazzjoni ta’ 3 reed beds ġodda flimkien mas-silt pond eżistenti (bil-għan li jinġabar aktar ilma tax-xita).
Iċ-Chairman tal-Wasteserv is-Sur Ben Farrugia qal li sa April tal-2004, f’din il-miżbla kien jidħol skart differenti inkluż skart tad-djar, skart mill-industrija u ammont zgħir ta’ skart tal-kostruzzjoni. Wara l-għeluq tal-miżbla, fl-2004 inbeda programm ta’ kontroll tal-emissjonijiet u t-trattament ta’ gassijiet wara li kien hemm fażi ta’ studju u disinn
Il-Magħtab diġà għaddiet minn żewġ proċessi fit-triq tar-riabilitazzjoni tagħha, l-ewwel ma sar kien li jiċċaqlaq madwar 700,000 tunnellata terrapin biex tiżdied l-istabbilità, jinħoloq spazju għal passaġġi u tingħata l-forma meħtieġa. It-tieni proċess, kien l-estrazzjoni tal-gassijiet li jniġġsu l-ambjent. Għal dan il-għan, ġew installati 80 kilometru ta’ pajpijiet u 400 bir li huma fondi madwar 12-il metru kull wieħed. Dawn il-bjar mxerrda madwar is-sit qed jiżguraw li l-gassijiet li hemm ġol-miżbla jinqabdu.
Permezz tal-‘Aerial Emissions Project’, fejn kien installat impjant għat-trattament tal-gass (Regenerative Thermal Oxidiser),95% tal-gassijiet tal-miżbla qed jinġabru u jiġu trattati qabel ma joħorġu fl-arja. Bħala parti mill-Aerial Emissions Project sar investiment ukoll f’impjant tar-Reverse Osmosis li permezz tiegħu l-WasteServ qed tiġġenera ilma nadif li jintuża għall-irrigazzjoni u kontroll ta’ trabijiet fi ħdan il-kumpless tal-Magħtab. Fix-xhur li ġejjin se jiġi nstallat ġeneratur (Combined Heat & Power) li kapaċi jdawwar il-ġass li jinġabar mill-mibżla tal-Magħtab kif ukoll il-landfills f’elettriku. Dan l-elettriku se jgħaddi għal ġos-sistema ta’ taqsim tal-elettriku nazzjonali.
Il-Ministru Pullicino qal li b’kollox mill-Magħtab jinġabar madwar 6,000 metru kubu ta’ arja ħażina fis-siegħa. L-impjant li jitratta l-gassijiet tal-Magħtab qed jiffunzjona kif mistenni. Mill-Magħtab ġew trattati ‘l fuq minn 170 miljun metru kubu ta’ gass ħażin. Dan wassal biex il-livell ta’ diossina fl-arja tal-madwar niżel u naqas b’99%.
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li kieku baqgħet tintuża l-miżbla tal-Magħtab kieku llum il-Magħtab hu 33 sular ogħla milli hi bħalissa. Bil-proġetti li saru fil-qasam tal-iskart, fosthom bini ta’ Ċentri għall-ġbir ta’ skart goff, is-separazzjoni tal-iskart, proġetti ta’ immodernizzar u r-riabilitazzjoni tal-miżbiliet inħolqu impjiegi ġodda għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Il-Gvern minbarra li ndirizza l-isfida tal-iskart, indirizza wkoll l-isfida tat-trattament tal-ilma biex illum l-ilma li jmur fil-baħar jiġi trattat u b’hekk tjiebet il-kwalità tal-ilma baħar.
Il-Gvern żied l-ispazji pubbliċi għall-familji fosthom Pjazza San Ġorġ, l-Adventure Park f’Ta’ Qali, il-Park ta’ Xrobb l-Għaġin, l-estensjonjijiet tal-Magħtab u s-Salini, Ġnien George Bonello du Puis u x-xtut ta’ San Pawl il-Baħar u Marsaxlokk. Bir-riabitiazzjoni tal-Magħtab, it-tfal u l-familji Maltin se jkollhom post ieħor fejn jistgħu iqattgħu l-ħin.
Dawn huma proġetti li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies għaliex itejbu l-kwalità tal-ħajja b’arja aktar nadifa, baħar aktar nadif u żieda fl-impjiegi.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017