UFFIĊJALI MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA JAGĦTU D-DEMM
Diversi uffiċjali u għadd ta’ diretturi tal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, flimkien mal-Ministru Dr. Joe Cassar, għamlu għotja ta’ demm fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fi Gwardamanġia.
Dan sar bħala parti minn ġurnata li matulha l-Ministeru għas-Saħħa stieden lill-pubbliku biex jagħti d-demm. Matul il-jum b’kollox kien hemm 51 persuna li għamlu din l-għotja.
Il-Ministru Cassar qal li l-għoti tad-demm huwa mod ta’ kif aħna lkoll nistgħu ngħinu tassew lil xulxin f’mument li fih l-aktar li jkun hemm bżonn. Filwaqt li dan ma jiswina xejn ħlief xi naqra kuraġġ, inkunu qegħdin litteralment ngħinu lil xi ħadd biex ikompli jgħix.
Minħabba l-ammont għoli ta’ interventi li jsiru matul il-jum, jintużaw madwar 55 borża demm kuljum. Dan in-numru jitla’ b’mod sostanzjali meta jseħħu inċidenti li fihom iweġġgħu persuni b’mod gravi. Id-demm jintuża minn pazjenti ta’ etajiet differenti, inkluż trabi u tfal żgħar li għal xi raġuni jew oħra jkollhom dan il-bżonn matul il-proċess ta’ fejqan.
Barra minn hekk, numru sostanzjali ta’ nies oħra, bħal dawk li huma morda bil-kliewi u b’mard kroniku ieħor relatat mad-demm, jirċievu d-demm b’mod regolari.
Dan kollu joħloq sfida kontinwa lill-professjonisti kollha taċ-ċentru tal-għoti tad-demm li ta’ kuljum, ħdud u festi inklużi, jimpenaw irwieħhom sabiex ir-riserva tad-demma tibqa’ waħda tajba. Matul is-sajf u żmien il-vaganzi n-numru ta’ donaturi jonqos.
Il-Ministeru għalhekk iħeġġeġ lil dawk kollha li jistgħu jagħtu d-demm biex jagħmlu dan mill-aktar fis, u jekk hu possibbli jikkonvinċu lil ħaddieħor biex jagħmel l-istess. L-appell imur ukoll lill-għaqdiet, organizzazzjonijiet, kif ukoll kumpaniji sabiex jgħaqqdu grupp ta’ persuni biex flimkien jagħtu d-demm.
Iċ-ċentru tal-għoti tad-demm jista’ jiġi kkuntattjat fuq 21234767.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017