14-IL DAR RESIDENZJALI FIL-KOMUNITÀ LI FIHOM HEMM 119-IL PERSUNA B’DIŻABILITÀ
Fil-gżejjer Maltin hawn 119-il persuna b’diżabilità li jgħixu fil-komunità, f’waħda mill-14-il dar differenti amministrati mill-Aġenzija Sapport jew minn NGOs. Il-Gvern ilu 10 snin li beda joffri s-servizzi residenzjali permezz tal-Aġenzija Sapport, filwaqt li ilu snin twal joffri għajnuna finanzjarja sostanzjali lill-NGOs sabiex anki huma joffru dan is-servizz.
Dan qalu l-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said waqt żjara li għamel fir-residenza Ta’ Vajrita f’Marsaskala. Din ir-residenza hi waħda minn sitta li l-Aġenzija Sapport tmexxi f’lokalitajiet differenti madwar Malta u Għawdex u li fihom tipprovdi kenn għal 49 persuna b’diżabilità. Dawn jinsabu fil-Fgura, f’Ħal Kirkop, f’Marsaskala, fl-Imtarfa u f’Bormla. Din is-sena tkun inawgurata residenza oħra f’Birżebbuġa li se tilqa’ tfal. Barra minn hekk fid-Dar Madonna tal-Mellieħa hemm ukoll 11-il persuna b’diżabilità li sitta minnhom għandhom anqas minn 50 sena.
Il-Ministru Chris Said qal li l-Gvern jemmen fl-inklużjoni u jibqa’ impenjat li joffri servizzi residenzjali għall-persuni b’diżabilità fil-komunità, kif ukoll li jassisti NGOs li joffru dawn l-istess servizzi. Hu qal li tul il-ħames snin li għaddew, il-Gvern għadda madwar €5.5 miljun lil erba’ NGOs biex jipprovdu servizzi residenzjali fil-komunità għall-persuni b’diżabilità: Fondazzjoni Nazareth għandha tliet residenzi differenti fiż-Żejtun, Dar il-Wens għandha residenzi fil-Kalkara u f’Raħal Ġdid, Fondazzjoni Arka għandha residenza f’Għajnsielem filwaqt li Dar Pirotta tmexxi residenza oħra f’Birkirkara. Bejniethom dawn jipprovdu servizz residenzjali fil-komunità lil 59 persuna b’diżabilità.
Il-Ministru Chris Said enfasizza l-importanza tal-inklużjoni anki fit-taħriġ u fuq il-post tax-xogħol. Hu qal li l-Aġenzija Sapport tmexxi disa’ Ċentri ta’ Matul il-Jum madwar Malta li fihom jattendu 408 persuni b’diżabilità. Qal ukoll li bħalissa fil-gżejjer Maltin hawn 900 persuna b’diżabilità li għandhom impjieg full-time u 200 persuna b’diżabilità oħra għandhom impjieg part-time. “Fl-erba’ snin li għaddew f’pajjiżna nħolqu 20,000 impjieg ġdid u minn dawn qed igawdu anki l-persuni b’diżabilità” temm jgħid il-Ministru Said.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017