BUST TAL-EX PRIM IMĦALLEF SIR ARTURO MERCIECA FIL-BINI TAL-QORTI F’MALTA
Waqt ċerimonja fil-foyer tal-bini tal-Qorti fil-Belt Valletta, illum inkixef bust ta’ Sir Arturo Mercieca, ex Prim Imħallef, ex Avukat tal-Kuruna u politiku. Iċ-ċerimonja kienet preseduta mill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said u mill-Unur Tiegħu il-Prim Imħallef Dr. Silvio Camilleri fil-preżenza tad-Direttur Ġenerali tal-Qorti Dr. Kevin Mahoney.
Il-bust ta’ Sir Arturo Mercieca sar minn Joseph Chetcuti tal-Funderija Artistika li ħa l-forma tal-abbozz li kien għamel l-iskultur George Borg. Godwin Ellul ippreżenta kopja tat-traduzzjoni tal-bijografija ta’ Sir Arturo Mercieca lill-Ministru Chris Said. Filwaqt li qraba u dixxendenti ta’ Sir Arturo Mercieca ppreżentaw volumi sħaħ bis-sentenzi oriġinali li Sir Arturo Mercieca kien ta, meta kien Imħallef fil-Prim Awla u anki Prim Imħallef. Dawn huma dokumenti storiċi li mil-lum ’il quddiem se jkunu indukrati mill-Qorti ta’ Malta.
Sir Arturo Mercieca twieled ir-Rabat Għawdex fl-1878. Studja fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesu u fl-Università ta’ Malta minn fejn iggradwa bħala Avukat. Kompla bl-istudji tiegħu f’Ruma u f’Londra. Laħaq Avukat ta’ 26 sena. Eventwalment inħatar Avukat tal-Kuruna, Imħallef, u fl-aħħarnett Prim Imħallef u President tal-Qorti tal-Appell. Bejn l-1907 u l-1910 kien membru tal-Kunsill tal-Gvern jirrappreżenta lil Għawdex.
Politikament kien attiv fil-politika mal-Associazione Politica Maltese. Fl-1940, mal-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, kien safa’ internat flimkien ma’ martu u tnejn minn uliedu għal ħames snin. Fl-1942 kien eżiljat fl-Uganda.
Sir Arturo Mercieca kien ukoll kittieb u studjuż tal-istorja ta’ Malta u diversi kitbiet tiegħu dehru f’pubblikazzjonijiet Taljani tal-istorja. Ippubblika wkoll l-awto-bijografija tiegħu bit-titlu Le mie vicende.
Hu kien miżżewweġ u kellu tmint itfal. Sir Arturo Mercieca miet fl-1969.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017