Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-ESTENSJONI TAL-ISPTAR DA VINCI – BIRKIRKARA – IL-ĦAMIS, 31 TA’ MEJJU 2012.

pr1232
Date Icon 31/05/2012

Dr Vassallo,

Onorevoli Ministru,

Tobba,

Mistednin Distinti,

Huwa dejjem ta’ sodisfazzjon u privileġġ għalija bħala Prim Ministru ninawgura investiment ġdid.

Huma l-investimenti li joħolqu x-xogħol, joffru opportunitajiet ġodda u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu tagħna.

Din l-estensjoni tal-Isptar Da Vinci tixhed dan kollu.  Lil hinn mill-investiment ekonomiku mis-settur privat, din l-estensjoni hi investiment fis-soċjetà tagħna, fl-aktar ħaġa għażiża li għandna kull wieħed u waħda minna - saħħitna. 

Is-saħħa tibqa’ pilastru importanti tal-politika tal-Gvern immexxi minni.  Il-politika tagħna għas-saħħa hi xhieda oħra konkreta ta' kif il-Gvern ipoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu.

Il-Gvern jinvesti aktar minn miljun ewro kuljum fis-saħħa. Investiment fis-saħħa tan-nies, fl-eżamijiet mediċi, f’testijiet ta’ prevenzjoni, f’operazzjonijiet, f’kura, f’visti fuq il-pazjenti.

Qed ninvestu fl-apparat u fil-ħaddiema sabiex inkomplu ntejbu l-kwalità tas-servizz.

Qed inżidu l-operazzjonijiet li qed isiru ġewwa l-Isptar Mater Dei.  Illum, kull ġurnata, isiru medja ta’ 120 operazzjoni.  Is-sena li għaddiet saru 44,000 operazzjoni.

Lil hinn minn numru u l-istatistiċi, dawn jirrappreżentaw nies u familji. 

L-impenn tagħna hu lejhom, lejn is-saħħa tagħhom, lejn il-ħajja tagħhom.

Il-Gvern jagħti importanza lis-saħħa tiegħek, għax nafu kemm hi għażiża għalik.  Aħna noffru garanzija li jekk inti jew xi ħadd mill-familja tiegħek jiġrilu xi ħaġa se jingħata kura ta’ livell għoli u b’hekk ikollok moħħok mistrieħ li l-kura li għandek bżonn se ssibha. 

Il-Gvern qiegħed jinvesti bil-qawwi fis-servizzi tas-saħħa b’xejn.

Filwaqt li ninvestu fis-servizzi tas-saħħa pubblika, il-Gvern qed jagħti spazju u hu ta’ sodisfazzjon li naraw aktar investiment privat f’dan il-qasam.  Fl-aħħar snin rajna kliniċi jinvestu aktar u jespandu kif qed jagħmel l-Isptar Da Vinci li beda fl-2000 bħala klinika żgħira tar-radjoloġija.  Illum, qegħdin naraw trasformazzjoni u tkabbir b’investiment f’aktar apparat modern. Qegħdin nassistu wkoll għall-ftuħ ta’ investiment ġdid fi klinika tad-dentistrija li llum topera kemm f’Għawdex u Malta bl-għan aħħari wkoll li tattira pazjenti barranin. 

Nemmnu fl-għażla fil-kummerċ, fl-edukazzjoni, fis-saħħa fis-servizzi għall-anzjani u oqsma oħra.  Nemmnu u rridu li min irid ifittex kura privata, isibha.  Ninsab grat għal dak li qed tagħmlu f’dan il-qasam tant importanti.

Il-Gvern, għaraf li fis-saħħa int għandu jkollok d-dritt tal-għażla.  Għaraf ukoll li servizz tas-saħħa privat jikkumplimenta dak pubbliku.

Fil-fatt il-Gvern qiegħed jissieħeb mal-privat fl-aħjar interess tal-pazjent.  Aħna nqisu lit-tobba tal-familja u lis-settur privat bħala sieħeb importanti fis-servizzi tas-saħħa li noffru.  Il-Gvern ingħaqad mas-settur privat fosthom biex isiru PET Scans, operazzjonijiet tal-katarretti, servizzi ta’ radjoloġija u servizz ta’ emerġenza.

Dawn is-servizzi qegħdin jingħataw kollha b’xejn lill-pazjenti u diġà gawdew aktar minn 1,000 persuna minn dawn is-servizzi li l-Gvern joffri permezz tal-privat. Ikun ukoll tajjeb jekk naraw aktar kollaborazzjoni bejn is-settur privat.

Pajjiżna għandu jkun kburi bis-servizzi tas-saħħa li noffru. Kburi bit-tobba tal-familji, kburi bil-kura li tingħata minn tant professjonisti f’dan il-qasam fil-komunità u fl-isptarijiet u kburi bis-servizzi li jingħataw mill-privat u mill-Gvern.  Katina sħiħa ta’ servizzi kollha mmirati biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu tagħna.

Sinjuri,

Illum, fuq kollox, qegħdin niċċelebraw il-frott tal-viżjoni u tal-ħidma ta’ Dr Vassallo. 

Dan huwa investiment ieħor fis-saħħa, fis-soċjetà tagħna. 

Irridu settur privat li jikkumplimenta dak pubbliku u rridu naħdmu flimkien.  Bdejna u se nkomplu noffru servizz b’xejn lill-pazjent bi sħubija mal-privat.

Filwaqt li nifraħ lill-Isptar Da Vinci għal dan it-tkabbir nawguralkom aktar suċċess fil-futur. 

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow