600 PAZJENT JIPPARTEĊIPAW FL-ATTIVITÀ ‘SAĦĦTEK L-EWWEL’ F’GĦAWDEX
Madwar 600 persuna pparteċipaw fl-attività ‘Saħħtek l-Ewwel’ li ttellgħet riċentament fi Ġnien Villa Rundle mill-Kumitat tal-Għarfien dwar is-Saħħa fi ħdan l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Din l-inizjattiva ttieħdet bħala parti mill-attivitajiet li kienu għaddejjin fl-isfond tal-avveniment Lejlet Lapsi Notte Gozitana 2012.
Is-servizzi offruti kienu jinkludu testijiet taz-zokkor fid-demm, testijiet tal-pressjoni fid-demm, testijiet tal-pressjoni intraokulari, pariri dwar il-kura dentali u testijiet tal-Body Mass Index (BMI). Il-parteċipanti ngħataw ukoll pariri mediċi mit-tabib preżenti. Disponibbli għall-għajnuna lill- pubbliku kien hemm ukoll infermieri u nutrizzjonista.
L-aktar test popolari waqt din l-attività kien dak taz-zokkor fid-demm, li għamluh 227 pazjent, 125 mara u 102 irġiel. L-iżgħar pazjent kien tifel ta’ 6 snin, filwaqt li l-aktar pazjent anzjan kien raġel ta’ 83 sena. Dan kien segwit mit-test tal-pressjoni fid-demm, b’180 pazjent: 97 mara u 83 raġel. L-etajiet ta’ dawn il-pazjenti kienu jvarjaw minn 10 snin sa 84 sena.
B’kollox iċċekkjaw il-BMI total ta’ 102 pazjenti, 60 mara u 42 raġel li l-etajiet tagħhom kienu jvarjaw bejn 13-il sena u 73 sena. Dawk il-pazjenti b’piż żejjed jew li huma obeżi ngħataw pariri dwar kif jistgħu jadattaw stil ta’ ħajja san. Sitt pazjenti applikaw biex jattendu l-klassijiet tal-immaniġġjar tal-piż li jingħataw b’kollaborazzjoni bejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex.
It-test tal-pressjoni intraokulari sar minn 42 pazjent, 24 mara u 18-il raġel, li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn 39 u 69 sena. Barraminhekk 24 persuna ġew assistiti biex jimlew l-applikazzjoni tad-donazzjoni tal-organi.
Din kienet it-tieni attività ta’ dan it-tip li ġiet organizzata mill-Kumitat tal-Għarfien dwar is-Saħħa fi ħdan l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, wara attività oħra li ttellgħet f’Marzu li għadda u li kienet ukoll milqugħa tajjeb mill-pubbliku.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017