STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI
B’reazzjoni għall-istqarrija tal-Onor. Gino Cauchi.
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali jirreferi għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Onor. Gino Cauchi. Bħas-soltu anki fis-settur tal-ħarsien tal-annimali għandna f’pajjiżna Oppożizzjoni negattiva, xotta mill-ideat, ma tiproponi xejn u tmaqdar.
Li ma tgħidx l-Oppożizzjoni hu li kull informazzjoni li ntalbet dwar iċ-ċentru San Frangisk għall-Ħarsien tal-Annimali ngħatat għax m'hemm xejn moħbi. Gino Cauchi kellu wkoll l-opportunità li jagħmel liema mistoqsija ried meta hu stess żar iċ-Ċentru.
Il-Ministeru jfakkar li l-kuntratt lil privat ingħata wara proċess ta’ sejħa pubblika u l-kundizzjonijiet li japplikaw huma skont dan il-proċess. Il-Gvern ifakkar li l-kuntrattur ta’ dan iċ-ċentru jagħti kura u jdewwi l-klieb u qtates abbandunati li jinqabdu permezz tal-ambulanza tad-Dipartiment b’xejn, għall-benefiċċju tas-soċjetà skont kif jistabilixxi l-kuntratt.
Dawr l-Għammieri jrid jingħad li dan iċ-Ċentru mhux santwarju. Fl-Għammieri jinżammu klieb fuq bażi temporanja sakemm tinstabilhom dar. Huwa fatt magħruf li jista’ jkun hemm ġranet fis-sena fejn jinġabru numru akbar ta’ klieb u għaldaqstant sakemm ikun hemm min jadotta l-klieb, l-ammont ta’ klieb miżmuma jkun aktar minn normal. Dan jiġri għax id-Dipartiment ma jħaddanx policy li joqtol annimali sempliċiment għax ma fadalx aktar spazju bħal ma kienu jagħmlu Gvernijiet oħra fis-snin 80. Il-każijiet singolari li semma l-Onor. Cauchi ma jagħmlux gustizzja max-xogħol tant tajjeb li jagħmlu l-ħaddiema tal-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali u wisq anqas ma dak kollu li sar f’dan l-aħħar snin.
Ir-regolamenti l-ġodda tal-Microchipping jipprovdu li kull min għandu kelb irid jirregistrah billi jieħdu għand veterinarju tal-għażla tiegħu sabiex isir il-microchipping. Ir-regolamenti jistabilixxu wkoll li s-sid ser jiġi mitlub iħallas il-prezz ta’ €11.80 (VAT inkluz) fil-każ ta’ klieb imsewwija u €22.70 fil-każ ta’ klieb mhux imsewwija. Din id-diskrepanza fil-prezz hija bbażata fuq il-prinċipju li kelb imsewwi jelimina l-possibilità li jiżdied in-numru tal-klieb li jiġġerrew fit-toroq. Dan il-ħlas jinkludi l-microchip, l-injezzjoni tagħha u l-liċenzja.
Li ma qalx l-Onor. Cauchi hu li għal dawn l-aħħar ħamsin sena, il-liġi kienet tipprovdi li lis-sidien tal-klieb kienet tinħarġilhom liċenzja mill-Pulizija kull sena bi ħlas annwali ta’ €2.33. Hu kkalkulat li kelb jgħix minn tal-anqas 10 snin għalhekk is-sidien sal-lum kienu obbligati li jħallsu €23.30 fuq 10 snin. Din is-sistema issa ser tispiċċa u dan il-ħlas mhux ser jibqa’ isir.
L-Oppożizzjoni hija negattiva anke f'qasam li għall-ewwel darba ra investiment massiċċ u li b'hekk ingħata l-importanza li tixraqlu. L-Oppożizzjoni ma tirrikonixxix it-titjib li sar, filwaqt li l-Gvern jirrikonoxxi, li għalkemm sar ħafna xogħol għaddej b’ħidma kontiwa biex jintlaħqu miri aktar għoljin b’risq il-ħarsien tal-annimali.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017