DISKORS MIS-SUR JOSEPH FARRUGIA, PRESIDENT TAL-MCAST, WAQT IT-TQEGĦID TAL-EWWEL ĠEBLA TAL-CAMPUS IL-ĠDID TAL-MCAST, IL-ĦAMIS, 24 TA’ MEJJU 2012
Ninsab kburi li qiegħed nindirizzakom f’okkażjoni fejn, fl-għaxar sena minn mindu twaqqaf l-MCAST, inġbarna hawnhekk sabiex inqiegħdu l-ewwel ġebla għal dak li se jkun kampus ġdid u modern, kampus li jixraq lill-istudenti tagħna u lir-reputazzjoni li l-MCAST bena mas-soċjetà Maltija, kif ukoll internazzjonalment. Dan hu proġett li, meta jitlesta, se jkabbar il-kapaċità tiegħu sabiex l-MCAST ikun jista’ jakkomoda għaxart elef student fuq bażi full-time, flimkien ma’ eluf oħrajn fuq bażi part-time. Dan il-proġett se jkun strumentali sabiex Malta tilħaq il-miri tal-EU2020 f’dak li jirrigwarda numru ta’ nies li jkunu studjaw f’livell terzjarju.
F’din l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, se jsir investiment ta’ €22miljun, li madwar nofshom huwa ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Il-binjiet se jakkomodaw l-Istitut tax-Xjenza Applikata u l-Istitut tan-Negozju u Kummerċ. Dan il-proġett huwa parti mill-evoluzzjoni kontinwa li għaddej minnu l-MCAST.
Il-Kampus il-Ġdid mhux qed jaħseb biss fil-bżonnijiet akkademiċi tal-istudenti, iżda dawk soċjali wkoll bħala parti mill-formazzjoni tal-karattru tagħhom. Għalhekk ħsibna sabiex mill-ewwel fażi tal-proġett, tinbena student house ġdida, fejn l-istudenti jkunu jistgħu jissoċjalizzaw u jorganizzaw attivitajiet bejniethom. Din hi ħaġa li, minħabba r-rata mgħaġġla tat-tkabbir tal-MCAST matul dawn l-aħħar għaxar snin, inħass in-nuqqas tagħha.
Il-Kampus il-ġdid se jinkludi aspetti ambjentali. Fost dawn sejrin jiżdiedu l-isforzi sabiex tintuża enerġija alternattiva. Illum l-MCAST diġà jiġġenera 17% tal-elettriku minn sorsi alternattivi bħal turbini tar-riħ u pannelli solari, u l-mira tagħna hi li din ir-rata nkomplu nżiduha.
Iżda l-aqwa binja ta’ dan il-proġett hi l-binja tal-karrieri għall-istudenti tagħna, u hawnhekk nixtieq nifraħ minn qalbi lill-bennejja tagħna: lill-presidenti ta’ qabli; il-gvernaturi tal-passat u dawk attwali; lill-istaff amministrattiv u dak akkademiku li tant ħadmu sabiex il-viżjoni li hi l-MCAST isseħħ u tiġġedded. Wieħed mill-pilastri ewlenin ta’ din il-binja hu l-kuntatt proattiv li din l-istituzzjoni għandha mal-industrija. Għandi pjaċir ngħid li numru dejjem jiżdied ta’ kumpaniji qegħdin jaraw il-benefiċċju li jikkollaboraw mal-MCAST. Matul dawn l-aħħar snin, ġew iffirmati diversi kuntratti ma’ kumpaniji stabbiliti bħal Lufthansa Teknic, HP, Audi, Daikin u oħrajn, bl-iskop li l-istudenti tagħna jitgħallmu fuq apparat modern u sabiex il-korsijiet tagħna tassew jirriflettu l-ħtiġiet tal-industrija. Ir-riżultat ta’ dan hu aġġornament kontinwu tal-korsijiet, studenti aktar imħarrġa u impjegabbli, u lecturers li huma konnessi ma’ dak li qed iseħħ fl-industrija.
Minbarra l-fondi tal-Unjoni Ewropea li qegħdin jintużaw għall bini tal-Kampus il-Ġdid, l-MCAST iggwadanja wkoll minn fondi ohrajn mill-Unjoni Ewropea fi proġetti li huma intiżi sabiex itejbu l-kwalità tal-korsijiet, biex jiġi stabbilit distance learning programme, u sabiex ikun akkreditat l-experiential learning. Minn dawn il-proġetti ggwadanjaw ukoll il-lecturers fl-MCAST li ġew imħarrġa fil-pedagoġija. Il-fondi li bbenefika minnhom l-MCAST għal dawn il-proġetti huma ta’ €20miljun. Biex nagħti eżempju, l-MCAST qed jibbenefika minn fond ta’ €7miljun li permezz tagħhom qegħdin jiġu riveduti l-korsijiet tagħna u jiġi kkreat materjal edukattiv ġdid li se jintuża fil-programmi l-ġodda. Aktar minn 300 lecturer fl-MCAST qegħdin jiġu mħarrġa sabiex ikollhom il-ħiliet neċessarji sabiex jgħallmu dawn il-programmi ġodda permezz ta’ teknoloġiji u materjali pedagoġiċi moderni.
B’dawn il-proġetti, mhux l-istudenti żgħażagħ biss qegħdin igawdu. Jeżisti wkoll proġett ieħor, b’valur ta’ €7miljun, b’emfasi fuq it-taħriġ matul il-ħajja. B’hekk qegħdin inħajru numru akbar ta’ adulti li jiġu l-MCAST sabiex jitgħallmu ħiliet ġodda u biex jaġġornaw ħiliet eżistenti. Dawn l-inizjattivi kollha qegħdin iħallu impatt pożittiv fuq is-suq tax-xogħol Malti, u qegħdin jikkontribwixxu għar-rata ta’ qgħad li hija relattivament baxxa meta mqabbla ma dik fil-kumplament tal-Ewropa.
Sfida kontinwa li għandu l-MCAST hi li jipprovdi għażla wiesgħa ta’ korsijiet – aktar minn 155 kors full-time, barra 300 oħrajn fuq bażi part-time – f’numru kbir ta’ stituti u f’livelli mifruxa minn livelli wieħed tal-Qafas tal-Kwalifiki Nazzjonali sa livell numru sitta. Dan ifisser li l-bibien ta’ dan il-kampus huma miftuħa għal kull min jixtieq jistudja. Għal dawk li ma rnexxilhomx jakkwistaw ċertifikati mill-iskola sekondarja għandna l-Foundation Courses, u dawn jistgħu jitilgħu mas-sellum tal-kwalifiki sal-livell ta’ first degree. Forsi għall-bidu kien hemm il-perċezzjoni li l-MCAST joffri ‘second chance education’ – jiġifieri opportunità alternattivi għal min ma rnexxilux jikseb kwalifiki biżżejjed sabiex jidħol l-Università, iżda s-sitwazzjoni nbidlet. Illum ħafna studenti jiġu l-MCAST għax hija l-ewwel għażla tagħhom, b’deċiżjoni li jkunu ħadu minn meta kienu jattendu l-iskola sekondarja.
Iżda nixtiequ nagħmlu aktar. Dan il-kampus għandu jpoġġina fuq il-mappa internazzjonali tal-edukazzjoni vokazzjonali. Qed isir ħafna xogħol sabiex jiżdiedu l-kuntatti ma’ pajjiżi oħrajn, kemm fl-Ewropa u barra l-Ewropa - sabiex nattiraw studenti barranin jiġu jistudjaw Malta, u fl-istess waqt l-istudenti tagħna jkunu qegħdin jiksbu esperjenza f’pajjiżi oħrajn ukoll. L-MCAST diġà għandha tradizzjoni ta’ kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet barranin. Fost dawn hemm Fraunhofer Gesellchaft u l-BTEC li magħhom fassalna ħafna mill-korsijiet tagħna sabiex nassiguraw li l-kwalità tal-korsijiet tal-MCAST tilħaq livelli internazzjonali. Għalhekk għandna numru dejjem jikber ta’ studenti li qegħdin jirnexxu u javvanzaw fl-istudji tagħhom f’istituzzjonijiet u universitajiet barranin.
Jiena persważ li l-kampus il-ġdid se jissarraf f’qabża fil-kwalità ta’ edukazzjoni li toffri l-MCAST lill-istudenti Maltin. Il-bini l-ġdid se joffri opportunitajiet aħjar għal sinerġiji bejn l-istituti li għandna li se jikkontribwixxu għal progress soċjali u ekonomiku aktar mgħaġġel f’pajjiżna.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017