DISKORS MILL-MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL, L-ONOR. DOLORES CRISTINA, FL-OKKAŻJONI TAT-TQEGĦID TAL-EWWEL ĠEBLA TAL-CAMPUS IL-ĠDID TAL-MCAST – IL-ĦAMIS, 24 TA’ MEJJU
Onorevoli Prim Ministru,
Chairman u membri tal-Bord tal-Gvernaturi
Sur Prinċipal u Prinċipal Designate
Lekċerers
Studenti,
Illum qed niktbu paġna ġdida fl-iżvilupp mgħaġġel ta’ din l-istituzzjoni edukattiva li fl-għaxar snin li ilha mwaqqfa kellha storja ta’ suċċess u imliet vojt kbir fil-qasam tal-edukazzjoni vokazzjonali f’pajjiżna.
L-MCAST hu storja ta’ suċċess mhux biss għaliex kompla jżid l-opportunitajiet ta’ tagħlim għal aktar żgħażagħ kull sena li ilu mwaqqaf, imma wkoll għaliex joffri eżempju ċar ta’ dak li aħna nifhmu meta nitkellmu fuq inklużjoni fil-qasam edukattiv. Inklużjoni mhux biss fejn jidħlu studenti bi bżonnijiet speċjali, kif ħafna drabi nifhmu meta nsemmu din il-kelma, imma hu eżempju ħaj ta’ inklużjoni soċjali għax fih jilqa’ studenti minn kull mixja tal-ħajja.
Matul dawn l-aħħar snin, il-Gvern, b’deċiżjoni konxja, ta’ spinta kbira ‘l quddiem l-edukazzjoni vokazzjonali, fl-istess waqt li komplejna nsaħħu u ninvestu fl-universita’ u fl-edukazzjoni ogħla.
L-Edukazzjoni Vokazzjonali tipprepara n-nies għal impjieg jew karriera f’diversi livelli. Din hi edukazzjoni li tagħmel enfasi akbar fuq l-attivita manwali u prattika marbuta ma sengħa jew vokazzjoni u twassal sal-livell ta’ Higher National Diploma u aktar. Fil-fatt, fl-aħħar sentejn, l-MCAST kien qed joffri wkoll il-possibilta lill-istudenti tiegħu li jiksbu l-Higher National Diploma biex ikomplu sa degree u diġa’ kellna l-ewwel gradwati minn din l-istituzzjoni.
Aħna nafu li mhux kulħadd għandu l-istess ħiliet u inklinazzjonijiet. Hawn nies li jibbrillaw fl-akkademja u jfittxu korsijiet fl-Universita’ li jwassluhom għal professjonijiet tradizzjonali. Hawn oħrajn li jippreferu esperjenzi prattiċi – hands on – li mbagħad jaqqduhom mat-teoriji u jiksbu riżultati li jagħtuhom sodisfazzjon kbir. Dawk li dak li jaraw għajnejhom kapaċi jagħmluh idejhom. Dawk li huma maqtugħa għal vokazzjoni aktar milli għal professjoni. L-MCAST jaqdi l-bżonnijiet ta’ dawn l-istudenti.
Il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija mhux istituzzjoni edukattiva għal dawk l-istudenti li forsi ma jiksbux biżżejjed kwalifiki biex imorru l-Universita’. Mijiet ta’ żgħażagħ kull sena, ifittxu l-MCAST avolja għandhom biżżejjed kwalifiki biex jidħlu l-Universita. Imma jagħżlu din l-istituzzjoni edukattiva b’għażla konxja u bi ħsieb. Anzi issa bdejna naraw ukoll numru ta’ żgħażagħ li wara li jiggradwaw mill-Universita’ jiġu jagħmlu kors fl-MCAST biex jieħdu esperjenza aktar prattika tal-qasam li jridu jispeċjalizzaw fih.
Hu veru wkoll li l-Kulleġġ qed joffri opportunitajiet lil żgħażagħ li għal raġunijiet differenti ma rnexxielhomx jiksbu biżżejjed ħiliet mill-ewwel biex ikomplu javanzaw. Għal dawn in-nies l-MCAST ħoloq korsijiet apposta biex filwaqt li jgħinhom jiksbu ħiliet bażiċi joffrilhom iċ-ċans li jitħarrġu u jiksbu ħiliet biex iwassluhom ikollhom impjieg u mpjieg tajjeb. Kienu ħafna dawk iż-żgħażagħ li bdew Foundation Course u baqgħu telgħin biex kisbu anke degree.
Dan hu kollu mertu tal-flessibilta li l-MCAST għandu fil-korsijiet tiegħu. Mertu ta’ metodi ta’ tagħlim differenzjat li toffri din l-istituzzjoni. Mertu tal-lekċerers u l-amministrazzjoni u l-Bord tal-Gvernaturi tal-Kulleġġ li jagħtu d-direzzjoni.
Is-sinerġija li teżisti bejn l-MCAST u l-industrja hi ta’ min ikompli jinkoraġġiha. Biżżejjed wieħed iħares lejn il-Bord tal-Gvernaturi u jsib li hemm komponent qawwi li ġej mill-industrja. Il-Ħidma flimkien bejn l-MCAST hu l-industrja tat u se tkompli tagħti l-frott. Dan hu meħtieġ biex ikollna ħaddiema preparati biex jaħtfu l-opportunitajiet ġodda ta’ mpjieg li l-Gvern hu impenjat li jkompli joħloq permezz ta’ investiment lokali u barrani li jirnexxielu jġib lejn pajjiżna.
L-esperjenza qed turina li sa minn eta’ aktar kmieni, it-tfal jibdew juru li huma inklinati lejn it-taħriġ vokazzjonali. Kien għalhekk li bħalissa qed inmexxu proġett pilota f’sitt skejjel sekondarji tal-Gvern, u 4 skejjel tal-Knisja jew Indipendenti fejn introduċejna erba’ suġġetti vokazzjonali – l-istudji fl-Ospitalita’, Inġinerija, it-Teknoloġija tal-Informatika u s-Saħħa u Ħarsien Soċjali. Dawn l-istudji se jwasslu lill-istudenti biex jiksbu kwalifika fis-suġġett li qed jistudjaw. Naturalment mir-riżultati li jinkisbu minn dan il-proġett, l-istudji vokazzjonali mbagħad jinfirxu fil-Kulleġġi kollha biex it-tfal kollha jkollhom l-opportunita’ li jagħżlu dawn is-suġġetti.
Biex dejjem inkomplu naħdmu biex kemm jista’ jkun żgħażagħ ikomplu jistudjaw se nkomplu niżviluppaw f’din il-linja. Hemm faxxa oħra żgħira ta’ studenti li jista’ jkun li anqas bl-edukazzjoni vokazzjonali ma jintlaħqu. Dawn huma tfal li jippruvaw iżda ma jirnexxielhomx jiksbu r-riżultati mixtieqa.
Din is-sena numru minn dawn it-tfal, subien u bniet, għamlu ġimgħa fiċ-ċentru tat-taħriġ tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-taħriġ fejn ingħataw togħma ta’ seba’ snajja differenti fosthom spraying, pipe-laying u oħrajn li fihom ibbrillaw. Waqt li qed jitgħallmu dawn is-snajja ikunu qed jitgħallmu wkoll suġġetti biex jiksbu l-kompetenzi bażiċi.
Bħalissa fl-iskola sekondarja ġdida li qed nibnu għall-bniet fil-Kulleġġ San Injazju f’Tal-Ħandaq identifikajna spazju li fih se nibnu workshops biex fihom ikunu jistgħu jiġu mgħallma dawn is-snajja u eventwalment inkunu nistgħu noffru lit-tfal fis-sekondarja, l-għażla li jieħdu xi sengħa partikolari biex jitħarrġu fiha u jiksbu ċertifikazzjoni.
Dan qed nagħmluh filwaqt li qed infasslu Kurrikulu Nazzjonali ġdid li fih ukoll se nkunu qed nagħtu importanza lis-suġġetti vokazzjonali u l-kisba ta’ ħiliet oħra li jgħinu fl-iżvilupp sħiħ tal-bniedem.
Ma nistax nagħlaq dan id-diskors qasir qabel ma’ nirringrazzja lil dawk kollha li tul dawn l-aħħar 10 snin taw is-sehem tagħhom għas-suċċess tal-MCAST. Lill-predeċessur tiegħi Louis Galea li fi żmienu infetaħ mill-ġdid l-MCAST kif nafuh illum. Lil dawk kollha li servew fil-Bord ta’ din l-istituzzjoni sa mit-twaqqif tagħha u lill-Prinċipali li mexxewha. Lid-Diretturi tad-Diversi Istituti, lill-lekċerers u l-ħaddiema kollha.
Ringrazzjament speċjali lill-Prinċipal attwali, il-Prof. Maurice Grech li kompla stinka biex kabbar l-MCAST u li f’Settembru li ġej se jirritorna jgħallem fl-Universita.
Hu pjaċir tiegħi li nilqa’ lill-Principal Designate, is-Sur Stephen Cachia li minn Settembru li ġej se jieħu f’idejħ it-tmexxija ta’ dan il-Kulleġġ f’fażi hekk importanti tal-iżvilupp tiegħu. Stephen Cachia diġa’ wera ħiliet f’dan il-qasam fejn bħalissa hu fdat bit-tmexxija tal-Kulleġġ Santa Margerita, li ħafna tfal li jattendu fih jiġu jkomplu jistudjaw fl-MCAST. Nawguralu suċċess fil-ħidma tiegħu, għall-ġid tal-istudenti u tal-pajjiż.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017