Left arrow Go Back

IL-GVERN JGĦIN PROĠETT DWAR ŻVILUPP TA’ ĦILIET TA’ TFAJLIET GĦAWDXIN

pr1172
Date Icon 24/05/2012

Aktar NGOs Għawdxin megħjuna mill-Gvern Malti biex iwettqu proġetti b’fondi Ewropej

Il-Gvern qed jgħin fit-twettiq ta’ tliet proġetti separati li qed isiru b’fondi mill-UE, u li jinvolvu investiment fil-ħiliet ta’ tfajliet Għawdxin u l-istallazzjoni ta’ sistemi ta’ enerġija alternattiva.  Dawn it-tliet proġetti qed isiru minn Dar Ġużeppa Debono, l-Għaqda Mużikali San Ġużepp ta’ Għajnsielem u l-Kurja ta’ Għawdex rispettivament.

Waqt żjarat li għamel f’kull waħda minn dawn l-entitajiet, il-Ministru Chris Said qal li l-Gvern qed jgħinhom bil-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-NGOs imħaddem mill-Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja.  Hu spjega li meta għaqda tissottometti proġett għall-finanzjament mill-programmi tal-Unjoni Ewropea, din tista’ tingħata sa massimu ta’ 85% tat-total tal-proġett. Fil-passat b’xorti ħażina kienu jintilfu l-proġetti minħabba d-diffikultà għal dawn l-għaqdiet li waħidhom ikopru l-ispejjeż kollha. Il-Ministru Said qal li kien għalhekk li l-Gvern ħoloq il-fond ta’ ko-finanzjament għall-Għaqdiet mhux Governattivi sabiex jgħinhom iwettqu proġetti tant importanti anki għas-soċjetà b’mod ġenerali.

Il-Ministru Chris Said qal li permezz tal-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-NGOs il-Gvern diġà għadda €260,000 sabiex jgħin 11-il proġett minn NGOs Għawdxin li bejniethom assorbew kważi €2,700,000 mill-fondi Ewropej.

Waqt iż-żjara f’Dar Ġużeppa Debono kien spjegat li l-proġett ‘Ilwien’ qed isir bi sħab mal-iskola sekondarja tal-bniet fil-Kulleġġ ta’ Għawdex u ċ-Ċentru ta’ Għawdex għall-Arti u s-Snajja.  Il-proġett, li qed isir bil-Fond Soċjali Ewropew (ESF), huwa maqsum f’żewġ programmi ta’ taħriġ.

L-ewwel wieħed jilħaq studenti tfajliet ta’ bejn l-14 u s-16-il sena li għaddejjin minn problemi emottivi, fl-imġieba sesswali jew li huma single-mother. Fuq medda ta’ sentejn dawn l-istudenti ser jieħdu sehem fi programmi, diskussjonijiet u seminars interattivi u prattiċi ta’ motivazzjoni, snajja’, hairdressing u beauty care fejn ser jiġu mħeġġa jiżviluppaw il-ħiliet imprenditorjali. It-tieni programm jinvolvi taħriġ fil-kompjuter, fil-matematika u fil-lingwa Ingliża. L-għan aħħari hu li dawn l-istudenti jiksbu l-għarfien bażiku meħtieġ biex isibu posthom fis-settur tal-informatika jew ikunu f’pożizzjoni aħjar li jkomplu b’korsijiet ogħla u speċjalizzati fl-ICT. Il-ġenituri tal-istudenti li ser jieħdu sehem f’dan il-proġett ser jingħataw ukoll servizzi ta’ counselling.

Bħala parti mill-proġett ‘Ilwien’, l-organizzazzjoni Dar Ġużeppa Debono ser tmexxi wkoll kampanja ta’ għarfien immirata lill-istudenti kollha Għawdxin li jattendu l-iskola sekondarja, fejn l-istudenti u l-ġenituri tagħhom ser jiġu mistiedna jattendu seminars u taħdidiet bis-sehem ta’ professjonisti.

F’Għajnsielem il-Ministru Chris Said iltaqa’ wkoll mal-Kumitat Eżekuttiv tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp, li qed jistalla sistema ta’ pannelli fotovoltajċi fuq il-bejt tal-Każin bl-għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF). Il-membri tal-Kumitat spjegaw lill-Ministru Said li l-Għaqda Mużikali San Ġużepp ta’ Għajnsielem ser tkun l-ewwel banda f’Malta li ser taqleb kompletament għall-enerġija alternattiva u b’hekk se tgħin biex jonqos it-tniġġiż. Dan għaliex apparti l-installazzjoni tal-pannelli, is-Soċjetà Mużikali biddlet il-bozoz kollha fil-każin għal energy-savers filwaqt li saret l-insulazzjoni ta’ parti mill-bejt biex tonqos is-sħana tax-xemx. Fil-futur il-Kumitat Eżekuttiv għandu l-ħsieb li jibdel it-twieqi kollha biex dawn isiru bid-double-glazing u b’hekk il-bini tal-każin isir aktar effiċjenti.

Il-ħsieb wara l-proġett hu li dan jintuża bħala għodda edukattiva fost l-istudenti tal-iskola primarja ta’ Għajnsielem biex b’għajnejhom jaraw il-benefiċċji tal-enerġija nadifa. Barra minn hekk bil-flus li ser tiffranka permezz ta’ din is-sistema, l-Għaqda Mużikali ser tkun tista’ talloka iżjed fondi għat-tagħlim tal-mużika u l-istrumenti tal-mużika.

Il-Ministru Chris Said żar ukoll il-Kurja ta’ Għawdex li qed tmexxi proġett li jikkonsisti fit-twaħħil ta’ pannelli fotovoltajċi f’diversi binjiet.  Dan il-proġett b’investiment ta’ terz ta’ miljun Ewro se jwassal għall-istallazzjoni ta’ sistema li ser tiġġenera b’madwar 75,000 KwH ta’ enerġija li tfisser tnaqqis ta’ 65,300 kg f’tniġġis fl-arja.  Il-pannelli ser jiġu installati fl-Uffiċċji Amministrattivi tad-Djoċesi ta’ Għawdex fil-Belt Victoria, fiċ-Ċentru Parrokkjali tal-Parroċċa tal-Munxar, fiċ-Ċentru Pastorali Ragħaj it-Tajjeb fiż-żona magħrufa bħala taċ-Ċawla fil-Belt Victoria, fiċ-Ċentru Parrokkjali u l-Knisja Parrokkjali ta’ Għajnsielem.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow