JUM EWROPEW KONTRA L-OBEŻITÀ- 23 TA’ MEJJU 2012
Imnedija sett ta’ riċetti għal tisjir li huwa tajjeb għal saħħtek
L-epidemija tal-obeżita qed taffetwa lil ħafna individwi waqt li qed tibda minn età żgħira u tkompli fl-adulti. L-istħarriġ dwar l-imġieba relatata mas-saħħa fost it-tfal tal-iskola li sar fl-2010 jindika li l-adolexxenti ta’ etajiet bejn il-11, it-13 u l-15-il sena għandhom piż żejjed. L-istess studju wera wkoll li din ir-rata ta’ żieda ta’ piż żejjed u obeżita hi inqas meta mqabbla maż-żieda ta’ bejn l-2002 u l-2006. Mill-istess studju ħareġ ukoll li ż-żieda fir-rata ta’ piż żejjed u obeżita tidher aktar evidenti fost is-subien (41.3%) ta’ 11 il-sena meta mqabbla mal-bniet tal-istess eta’ (26.3%). Il-persentaġġ baqa’ l-istess fost il-bniet, filwaqt li r-rata tal-piż żejjed fost is-subien ta’ 15-il sena niżlet għal 28.2%.
Dan qalu l-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità Joe Cassar waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha tfakkar il-Jum Ewropew kontra l-Obeżità. Dr. Cassar qal li huwa importanti li nkomplu nħeġġu lit-tfal biex jippruvaw jieklu aktar frott sabiex dan jibqa’ jifforma parti mid-dieta matul il-ħajja. Hu qal li l-istess studju wera li madwar 42% tal-bniet bejn il-11 u l-15-il sena, jikkunsmaw frotta kuljum.
Il-Ministru spjega kif anke hu stess matul dawn is-snin sar japprezza aktar kemm hu importanti li nkunu nafu x’qed nieklu, u esperjenza differenza evidenti meta adotta dieta bilanċjata flimkien ma’ ammont żgħir ta’ attività fiżika matul il-ġimgħa.
Statistika lokali miġbura mill-European Health Interview Survey tal-2008 maħruġ mid-Direttorat tal-Informazzjoni dwar is-Saħħa u r-Riċerka wriet li 58% tal-adulti Maltin għandhom il-piż żejjed jew huma obeżi. Barra minn hekk, parti mill-istudju ta’ Stħarriġ Ewropew dwar is-Saħħa fost l-Ewropej, wera li fost il-popolazzjoni Maltija ta’ età bejn il-25 u 64 sena, 47% għandhom il-piż żejjed kif ukoll 29.6% oħra huma obeżi. Dan l-istudju wera wkoll li teżisti varjazzjoni fil-figuri ta’ stima fil-metodu ta’ kejl tal-BMI, jiġifieri bejn dawk rappurtati mill-individwu u dawk mkejla fil-kategoriji differenti tal-piż.
Studju ieħor lokali li sar fl-2008 wera li 25% tat-tfal ta’ 6 snin kellhom piż żejjed. Meta l-istess tfal reġgħu kienu mkejla fl-2010 irriżulta li r-rata kienet żdiedet għal aktar minn 40%. Hu ċar li l-obeżita qiegħda tiswa lill-pajjiż. Ġie stmat li Malta bħalissa qed tonfoq tal-inqas 20 miljun Euro kull sena żejda minħabba l-obeżita u piż żejjed.
Fil-bidu ta’ din is-sena, il-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita nieda l-Istrateġija kontra l-obeżita “Piż Tajjeb Tul il-Ħajja”, fejn l-għan tal-istrateġija hu li:
• titnaqqas il-popolazzjoni adulta bil-piż żejjed minn 36% għal tal-inqas 33%
• titnaqqas il-popolazzjoni adulta bl-obeżita minn 22% għal tal-inqas 18%
• u tnaqqis ta’ tfal ta’ 7 snin bil-piż żejjed jew obeżi minn 32% għal 27% sal-2020.
Dr. Charmaine Gauci, Direttriċi tad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard qalet li matul dan l-aħħar xhur id-direttorat iffoka ħafna mill-ħidma tiegħu fuq l-obeżità. Inizjattivi varji inkludew diversi kampanji fuq livell nazzjonali. Din is-sena, it-tema tal-kampanja hi ‘Sajjar Tajjeb għal Saħħtek’ liema kampanja qed tiffoka fuq l-ippreparar ta’ ikel fid-djar b’inqas kaloriji, xaħam, zokkor u melħ. Dan għaliex ir-riċerka turi li persuna li tikkonsma ikel msajjar id-dar tibbenefika aktar saħħitha għaliex l-ikel hu aktar sustanzjuż. Familji li għandhom dħul baxx għal medju jistgħu jiksbu ħiliet ta’ kif għandhom isajru b’mod sempliċi u li jwassal għal buthom.
Il-kampanja bdiet fil-bidu tal-2012 meta d-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard nieda kompetizzjoni għal pubbliku biex timmotivah sabiex jibgħat riċetti tiegħu, li faċli tippreparahom fi ftit ħin, u wara kollox tajbin għas-saħħa. L-aħjar riċetti ntagħżlu u sar il-filming tagħhom, bejn April u Mejju 2012, grazzi għall-kollaborazzjoni mas-Sinjura Karmen Tedesco u ż-żewġ rebbieħa. Il-‘Video clips’ ta dawn ir-riċetti se jkunu aċċessibbli aktar il-quddiem fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, kif ukoll bħala sett kartolini għall-użu tal-pubbliku ġenerali.
Matul ix-xhur li għaddew ġew organizzati attivitajiet fejn diversi ikliet tajbin għas-saħħa tħejjew filwaqt esperti fl-ikel u s-saħħa mid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard tahom pariri sabiex il-pubbliku jiżviluppa ħiliet siewja kemm sabiex jintgħażlu prodotti tal-ikel, kif ukoll ta’ kif jitħejja l-ikel, li jħarsu s-saħħa.
Għal aktar informazzjoni, il-pubbliku mħeġġeġ li jagħmel kuntatt mad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard permezz tat-telefon numru 2326 6000 jew b’email: health.pro@gov.mt
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017