Left arrow Go Back

L-ISKEMA MICROCREDIT TGĦIN LILL-AKTAR NEGOZJI SABIEX IKOMPLU JINVESTU U JŻIDU L-IMPJIEGI

pr1161
Date Icon 23/05/2012

“L-inċentivi u l-iskemi li qed joffri l-Gvern għan-negozji ż-żgħar, huma għodda essenzjali sabiex dawn ikunu jistgħu jinvestu aktar flus fin-negozju tagħhom u b’riżultat ta’ dan issaħħu l-ekonomija Maltija u jiġġeneraw aktar impjiegi”. Dan qalu l-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi waqt żjara li kien qed jagħmel dalgħodu lill-kumpanija Studio Moda li tinsab f’San Ġwann. Din hija waħda mill-mijiet ta’ kumpaniji li bbenefikaw mill-iskema Micro Credit, skema li toffri self issussidjat b’rati baxxi u vantaġġuzi.

Il-Ministru Azzopardi qal li l-iskema s’issa diġà għenet aktar minn 250 sid ieħor ta’ negozju, li bejniethom isselfu madwar 23 miljun Ewro, bl-investiment totali kollu jammonta għal 35 miljun Ewro. L-iskema li hija amministrata mill-Bank of Valletta toffri self sa 500,000 Ewro.

Il-Ministru Azzopardi saħaq dwar l-importanza ta’ skemi oħra offruti mill-Gvern, fosthom il-Microinvest li kellha tiġi estiża minħabba d-domanda kbira li kien hemm. Għal din l-iskema, s’issa bbenefikaw minnha mal-1050 negozju. Dawn bejniethom iffrankaw 7.5 miljun Ewro fit-tnaqqis fi kreditu ta’ taxxa u ħolqu 247 impjieg ġdid. Il-Ministru qal li dan huwa Gvern li qed ikompli joħloq l-impjiegi fejn fl-aħħar 4 snin inħolqu 20,000 impjieg ġdid.

Studio Moda, hija kumpanija li ilha topera fis-settur tal-għamara u prodotti tad-dar għal dawn l-aħħar għoxrin sena.

Is-Sur Mark Borg, Direttur Maniġerjali ta’ Studio Moda, spjega kif il-kumpanija investit ukoll fi brand ġdida bl-isem ta’ The Kitchen Store. Din il-brand topera minn tlett ħwienet ewlenin, tnejn minnhom infetħu f'dawn fl-aħħar sentejn; wieħed f'Għawdex u l-ieħor f’Tas-Sliema filwaqt li l-ħanut ewlieni l-ieħor jinsab f’San Ġwann.

Is-Sur Borg qal li f’Awwissu tas-sena l-oħra, il-kumpanija bbenefikat ukoll mill-iskema Microinvest, fejn din ingħatat ċertifikat ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 20,000 Ewro. Huwa qal li grazzi għall-investiment li l-kumpanija għamlet biex setgħet tiftaħ żewġ ħwienet ġodda oħra, illum b’kollox timpjega 13-il ħaddiem u se tkun qed timpjega 4 ħaddiema oħra.

Il-Ministru Azzopardi faħħar l-inizjattiva li din il-kumpanija ħadet sabiex tkompli tikber u żżid l-impjiegi.  Tenna  wkoll dwar l-importanza li aktar negozji jużaw l-iskemi offruti mill-Gvern. Qal li  l-iskema Microcredit, hija turija ċara li l-ekonomija f’pajjiżna hija waħda b’saħħitha, u dan jidher ċar fil-fiduċja li l-banek lokali għandhom fin-negozji Maltin u Għawdxin. Dan kollu qed iseħħ, meta negozji oħra Ewropej qed issibuha diffiċli li jkollhom aċċess finanzjarju f’pajjiżhom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow