GĦOTJA TA’ KOTBA LILL-FAĊILITA KORRETTIVA TA’ KORDIN
Illum wara nofs in-nhar id-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Abraham Zammit, irċieva għotja ta’ kotba relatati mal-qasam tat-teknoloġija tal-informatika li se jitqiegħdu fil-Librerija tat-Taqsima tal-Edukazzjoni ġewwa l-istess l-Faċilità. Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm il-Ministru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari, Carm Mifsud Bonnici.
Id-donazzjoni saret mis-Sur Ray Abela, direttur maniġerjali tal-kumpannija TCTC, li tipprovdi tagħlim estensiv f’din il-materja, kemm fil-livelli bażiċi kif ukoll f’dawk aktar avvanzati. Id-donazzjoni tinkludi text books u notamenti li jintużaw fil-korsijiet li tipprovdi l-kumpannija f’diversi ċentri madwar Malta u Għawdex, kif ukoll kopji ta’ ktieb bil-Malti miktub mis-Sur Abela nnifsu għal EGOV4U, proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea u li qed jiġi implimentat f’Malta mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-Fondazzjoni Temi Zammit.
F’ċerimonja qasira, il-Ministru rringrazzja lil TCTC għal din id-donazzjoni filwaqt li faħħar l-impenn min-naħa tal-Faċilita sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ tagħlim għar-residenti. Il-Ministru fakkar kif matul dawn l-erba’ snin saru qabżiet kbar fil-qasam edukattiv ġewwa l-Faċilità, filwaqt li nnota bi pjaċir illi d-domanda min-naħa tar-residenti għat-tagħlim qiegħda dejjem tiżdiet. Hu qal li dawn il-miżuri edukattivi għandhom jiġu utilizzati mill-priġunieri bħal parti integrali mill-programm tar-riabilitazzjoni tagħhom sabiex aktar ‘il quddiem ikunu eliġibbli għar-remissjoni jew il-parole skont kif jitolbu r-regolamenti tal-liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017