DISKORS TAL-MINISTRU CHRIS SAID WAQT IS-SERATA TAL-GĦOTI TAL-PREMJU ĦADDIEM TAS-SENA
Inħossni verament kburi u onorat li għall-ewwel darba minn kemm ilu jiġi ppreżentat il-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena, is-serata finali qed tiġi organizzata hawnhekk f’Għawdex.
Ilkoll nafu kemm l-Għawdxi hu bieżel. Jaf li minħabba li jgħix fuq gżira żgħira, maqtugħa mill-art ewlenija, irid ixammar il-kmiem u jaħdem. Mhux għax il-Maltin ma jaħdmux. Imma l-Għawdxi jaf li jrid jaqta’ aktar bi snienu jekk irid jagħmel suċċess u jekk irid jagħti kwalita’ ta’ ħajja aħjar lill-familja tiegħu.
Ix-xogħol jibqa’ l-aktar ħaġa għażiża għalina lkoll. Li x-xogħol jagħti dinjita’ lill-individwu - lill-ħaddiem - hija cliché. Iżda hija wkoll verita’ għaliex permezz tax-xogħol raġel jew mara jilħqu diversi skopijiet f’ħajjithom. Jaħdmu biex jgħixu huma u biex jgħajxu lill-familja tagħhom. Jaħdmu sabiex jesprimu ruħhom u jħaddmu t-talenti tagħhom. Jaħdmu sabiex ibiddlu d-dinja ta’ madwarhom u jagħmluha aħjar.
Fis-snin li għaddew ix-xogħol kien il-fokus tal-ħidma tal-Gvern. Nemmnu li b’aktar xogħol u b’xogħol aħjar naslu biex inkomplu ntejbu l-kwalita’ tal-ħajja tal-poplu tagħna.
Irrid nagħmilha ċara mill-bidu nett li l-Gvern jibqa’ kommess li joħloq ix-xogħol u li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Dan hu dak li għamilna fl-erba’ snin li għaddew.
Ħa nibda bil-ħolqien tax-xogħol u bl-investiment. Għax jekk ma jkunx hawn xogħol, la jkun hawn ħaddiema u wisq anqas drittijiet tal-ħaddiema xi tħares. U aħna ħdimna biex qabelxejn inġibu l-investiment u nkattru x-xogħol.
F’erba’ snin ħloqna 20,000 impjieg ġdid. Il-proġetti kapitali li qed isiru madwar il-pajjiż, mill-proġett ta’ Bieb il-Belt sa Smart City u t-toroq residenzjali qed iħaddmu ‘il fuq minn 2,700 ħaddiem. Aktar nies qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Missejna l-150,000 ruħ li huma gainfully occupied fuq bażi full-time. 20,000 oħra jaħdmu fuq bażi part-time.
B’aktar family friendly measures u bi tnaqqis fl-income tax, qed noħolqu impjiegi għall-ommijiet li jagħżlu li jidħlu jew jibqgħu fid-dinja tax-xogħol. 2,800 omm, fis-sena, qed igawdu minn skema li biha ma jħallsux income tax. Persuni li jilħqu l-età tal-irtirar, issa jistgħu jibqgħu f’impjieg u barra l-paga jieħdu pensjoni sħiħa. In-numru ta’ persuni li qed jirċievu il-pensjoni u baqgħu fid-dinja tax-xogħol huwa ta’ 13,148.
Bħala Gvern investejna b’mod qawwi biex aktar kumpaniji u fabbriki jiftħu f’Malta u joħolqu x-xogħol għaż-żgħażagħ u għall-ħaddiema. Ingħatat għajunna finanzjarja lil min għandu investiment f’Malta biex ikompli jkabbar l-investiment u n-negozju. B’hekk jiżdiedu l-impjiegi.
Għas-self employed u s-sidien ta’ negozji żgħar u medji l-Gvern għamel skema ta’ tnaqqis fl-income tax. Aktar minn 1,000 sid ta’ negozju qed jibbenefikaw u jgawdu minn tnaqqis fl-income tax li jlaħħaq sa €25,000.
Il-Gvern qed jinvesti aktar fit-turiżmu. Għall-ewwel darba s-sena li għaddiet ġew Malta aktar minn 1.4 miljun turist. B’żieda fit-turiżmu ssaħħu l-impjiegi, inħoloq aktar kummerċ fil-ħwienet, fir-restoranti u fil-lukandi. Minbarra l-kampanji li saru biex niġbu aktar turisti u biex aktar linji tal-ajru itiru lejn Malta, is-sidien tal-lukandi u restoranti ġew mgħejuna biex jinvestu aktar.
Li toħloq 20,000 impjieg ġdid mhux ċajta. Li hawnhekk f’Għawdex, minkejja d-diffikultajiet kollha u minkejja l-insularita’ doppja, 700 ħaddiem Għawdxi sabu impjieg wara għajnuna mill-ETC – mhux ċajta lanqas. Bl-Employment Aid Programme waħdu, fl-aħħar snin, kien hemm 150 intrapriża f'Għawdex li flimkien impjegaw 450 ħaddiem Għawdxi. F'Għawdex ukoll, l-ETC tat taħriġ lil madwar 4,000 ruħ. Fuq popolazzjoni ta’ 30,000 ruħ, dawn m’humiex ċifri ħżiena. Anzi. Qed jirnexxielna naslu.
Mhux ta’ b’xejn li pajjiżna llum għandu s-sitt l-anqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea. Aktar minn hekk, pajjiżna għandu r-raba’ l-anqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ – wara pajjiżi bħall-Ġermanja u l-Awstrija.
Ir-riżultati qegħdin hemm u għandna biex niftaħru. Imma l-ftaħir biss mhux biżżejjed. Irridu nxammru l-kmiem u nkomplu naħdmu sabiex nassiguraw li nġibu riżultati aħjar. Żgur li mhux se nistrieħu qabel ma’ kull min irid jaħdem ikollu impjieg.
Il-Gvern jemmen li d-dinjita’ tal-ħaddiema, f’kull livell, għandha dejjem tiġi rispettata. Dan il-prinċipju wassal lill-Gvern biex fuq firxa ta’ snin u wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, tejjeb u żied il-kundizzjonijiet minimi tal-ħaddiema. B’hekk qed jiġi assigurat li l-ħaddiem Malti u l-familja tiegħu qed igawdu kwalita’ ta’ ħajja aħjar.
Il-Liġi dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (EIRA) li daħlet fis-seħħ fl-2001, tpoġġi obbligi fuq min jimpjega. Fost l-oħrajn din il-Liġi tistabbilixxi l-kundizzjonijiet minimi li kull employer hu obbligat li joffri lill-ħaddiema tiegħu.
Fis-snin ta’ wara daħlu regolamenti li jippromwovu l-prinċipju tat-trattament ugwali fuq il-post tax-xogħol, ittieħdu inizjattivi li jgħinu li jirrikonċiljaw il-ħajja tax-xogħol mal-ħajja ta’ ġenitur, il-leave tal-maternita’ żdied għal 14-il ġimgħa u nżamm id-dritt tal-ħarsien tal-impjieg matul it-tqala u wara. Dan filwaqt li l-Gvern Malti qed ikompli jissielet fuq livell Ewropew biex il-ħaddiem jibqagħlu d-dritt li jaħdem siegħat fil-ġimgħa kemm irid
F’din il-leġislatura ittieħdu numru ta’ inizjattivi biex jiġi miġġieled ix-xogħol prekarju, fosthom li l-kundizzjonijiet tax-xogħol kif stabbiliti bil-liġi qed jiġu mħarsa, li l-ħaddiema jieħdu bi dritt dak li hu tagħhom, u li l-ħaddiema qed jaħdmu f’ambjent li jħares is-saħħa u s-sigurta’ tagħhom.
Saru emendi u kienu ppubblikati 35 Avviż Legali li permezz tagħhom komplew jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fost l-oħrajn
tal-ħaddiema part-time,
tan-nisa fil-post tax-xogħol,
u tal-ħaddiema b’kuntratti temporanji ma’ aġenziji.
Fost l-inizjattivi ewlenin li ħadna:
il-leave tal-maternita’ żdied minn 14-il ġimgħa għal 18-il ġimgħa fuq perjodu ta’ sentejn. L-ewwel ġimgħatejn daħlu fl-1 ta’ Jannar li għadda. It-tieni perjodu ta’ ġimgħatejn se jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013.
ommijiet li jkunu tqal, u li jkunu għadhom fuq probation, issa huma mħarsa minn Avviż Legali li jassigura li dawn ma jistgħux jitkeċċew mix-xogħol mingħajr raġuni valida u bil-miktub.
matul il-perjodu tat-tqala, kif ukoll sa sena wara t-twelid tat-tarbija, omm ma tistax tkun obbligata tagħmel sahra.
il-ħaddiema part-time issa għandhom dritt pro-rata għal-leave, sick-leave, u benefiċċji oħra. Dan anki jekk il-ħaddiem ikun impjegat f’aktar minn impjieg wieħed fuq bażi part-time.
iddaħħlet klawsola fil-kuntratti l-ġodda li joħroġ il-Gvern, li tispeċifika li l-kuntrattur li jirbaħ tender tal-Gvern hu obbligat li jimxi mal-kundizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali.
ħaddiema li fl-impjieg tagħhom jissodisfaw numru ta’ kriterji stabbiliti bil-liġi, għandhom ikunu impjegati bħala ħaddiema u jingħataw id-drittijiet u l-kundizzjonijiet kollha, u mhux ikunu meqjusa bħala self-employed.
Ir-Relazzjonijiet tal-Impjieg f’pajjiżna huma mħarsa mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg. Matul l-erba’ snin bejn l-2008 u l-2011, dan id-Dipartiment wettaq 5,486 spezzjoni fuq postijiet tax-xogħol fejn jaħdmu 114,609 ħaddiem. F’dawn l-ispezzjonijiet instabu 4,035 irregolarita’. F’36 każ biss kien hemm bżonn li l-każ jispiċċa l-Qorti. Fil-bqija tal-każi l-każijiet kienu solvuti wara l-intervent tad-Dipartiment.
Matul l-istess perjodu id-DIER ħa passi f’isem 1,237 ħaddiem li kellhom l-impjieg tagħhom itterminat minn min kien iħaddimhom. It-talbiet ta’ dawn il-ħaddiema kienu jammontaw għal aktar minn €2 miljun. Grazzi għall-intervent tad-DIER, 636 ħaddiem ieħor li kellhom il-kuntratt tagħhom terminat, laħqu ftehim barra l-Qrati ma’ min kien iħaddimhom. Il-valur ta’ dan il-ftehim kien jaqbeż is-€650,000.
Dan ix-xogħol hu importanti ħafna iżda huwa wkoll importanti li jidher li qed isir sabiex inserħu moħħ il-ħaddiema tagħna li hemm barra, minbarra t-trade unions, hemm ukoll il-Gvern u l-entitajiet tiegħu li qed jagħmlu li jistgħu biex iħarsuh.
L-impenn tagħna jibqa’ wieħed. Li nibqgħu naħdmu biex noħolqu x-xogħol. U biex nassiguraw li l-ħaddiema tagħna jieħdu dak li ħaqqhom bi dritt.
Fl-aħħarnett.
Din is-sena kellna firxa wiesgħa ta’ ħaddiema – kemm mis-settur pubbliku kif ukoll mis-settur privat - li ta’ għemilhom u għad-dedikazzjoni tagħhom kien jistħoqqilhom jiġu nominati għal dan il-premju. B’kollox kellna 16-il nominazzjoni minn oqsma varji.
Ippermettuli hawn nifraħ u nirringrazzja lil għadd ta’ kumpaniji u impriżi privati f’pajjiżna li iżjed ma jgħaddi ż-żmien iżjed qed juru interess f’dan il-premju. Huwa ta’ sodisfazzjon għalina lkoll li naraw kumpaniji li mhux biss iħossu li għandhom jinnominaw ħaddiema tagħhom iżda li jħarsu lejn dan il-Premju bħala ċertifikat għall-kumpanija nnifisha.
Nixtieq nieħu l-okkażjoni fejn hawn miġbura grupp imdaqqas ta’ nies li għandhom għal qalbhom l-interessi tal-ħaddiem Malti, biex nirringrazzjakom. Grazzi lill-unions – tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem. Grazzi lil dawk li jħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema u jaraw li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema mhux biss jitħarsu iżda jitjiebu. Grazzi ta’ kemm-il darba wieħed ipoġġi f’ġenb interessi periferiċi biex jiffoka fuq l-interessi tal-ħaddiema.
Il-Premju Ħaddiem tas-Sena huwa turija tal-apprezzament tal-Istat lejn il-ħaddiem Malti. F’mument meta d-dinja qed tipprova tirkupra mill-effetti li ħalliet il-kriżi finanzjarja internazzjonali, il-ħaddiem Malti huwa għalina l-għodda ewlenija – l-aqwa riżorsa - biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tkompli tikber għall-ġid tagħna lkoll.
Grazzi ħafna.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017