Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. GIOVANNA DEBONO, MINISTRU GĦAL GĦAWDEX, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-PROĠETT TA’ RIJABILITAZZJONI FI ĠNIEN VILLA RUNDLE – RABAT, GĦAWDEX - IL-ĦAMIS, 17 TA’ MEJJU 2012

pr1125
Date Icon 18/05/2012

Qabel xejn nixtieq nirringrazzjakom li tajtu sinifikat lil din l-okkażjoni tal-lejla permezz tal-preżenza tagħkom. Grazzi talli lqajtu l-istedina tagħna u ngħaqadtu magħna għal din l-inawgurazzjoni.

Nistgħu ngħidu li din tal-lejla ser tkun inawgurazzjoni storika li tgħaqqad dak li nbeda 97 sena ilu ma dak li twettaq f’dawn l-aħħar sentejn. Ix-xogħlijiet li saru ser jippermettu li dak li wrietna minn għand ta’ qabilna ser inkunu nistgħu ngħadduh għat-tgawdija ta’ ġenerazzjoniiet tal-preżent u l-futur, f’kundizzjoni ferm aħjar.

Ta’ dan nixtieq l-ewwel u qabel kollox nirringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom biex dan il-proġett jitwettaq. Tistgħu tapprezzaw li l-lista hija estensiva u nkun qed nirriskja li niżbalja jekk nipprova nsemmi xi ismijiet.

Il-kontribut ta’ kulħadd, mill-kbir saż-żgħir, kien indispensabbli biex illum stajna niltaqgħu għal din l-okkażjoni. Ta’ dan nixtieq nirringrazzjakom ilkoll għan-nom ta’ dawk kollha li ser jibbenefikaw u jgawdu mix-xogħol li wettaqtu.

Grazzi mill-qalb għeżież ħaddiema.

Grazzi wkoll lir-residenti tal-inħawi li żgur kellhom jgħaddu minn xi inkonvenjent waqt li kienu għaddejjin ix-xogħljiet. Anke jekk wieħed jipprova jevita dawn l-inkonvenjenzi mhux dejjem huwa possibbli. Iżda llum naħseb li tapprezzaw ir-riżultat. Nawgura li issa inthom ukoll tgawdu mir-riżultati tax-xogħol li sar.

Sinjuri, bħal ma wieħed jista’ japprezza, dan il-ġnien jinsab f’post strateġiku fil-qalba tal-belt Victoria u fiċ-ċentru tal-gżira ta’ Għawdex. Għalhekk ma huwiex biss meqjus bħala ġnien għar-residenti tar-Rabat iżda huwa wkoll ikkunsidrat bħala sit popolari ma’ residenti Għawdxin ta’ kull età. L-importanza storika tiegħu tagħtih ukoll  valur addizzjonali bħala attrazzjoni turistika ewlenija għal gżira ta’ Għawdex.

Dawn kienu l-objettivi ewlenin li ispiraw is-sottomissjoni ta’ dan il-proġett għal ko-finanzjament minn fondi Ewropej. Dawn l-objettivi ġew spjegati bħala ‘Titjib estensiv fl-inħawi li jippermettu li dan il-ġnien jkun jista’ jitgawda filwaqt li jintegra ruħu aħjar fl-infrastruttura kulturali u turistika fil-gżira ta’ Għawdex’.

Dan kollu kien f’moħħna meta pproġettajna u ħadna deċiżjonijiet dwar dan il-proġett li sewa investiment ta’ aktar minn €2.5 miljun (tnejn punt ħamsa miljun ewro) li 85% minnhom ġew iffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-15% l-oħra minn fondi nazzjonali. Illum qegħdin inroddu lura r-riżultat ta’ dan l-investiment  bħal ma raddejna lura u ser inkunu qed inroddu lura r-riżultati ta’ investimenti oħra madwar  il-gżira kollha.

Sinjuri jekk wieħed iħares madwaru għandu xhieda konkreta ta’ dan kollu meta jara x-xogħol intensiv li qed ikompli għaddej fit-triq li mix-Xatt issa ser tkun waslet sar Rabat. Dawra ħafifa madwarna tlaqqana ma’ skola ġdida għall-istudenti tagħna, restawr fis-swar taċ-Ċittadella, Bus Terminus ġdid u sistema tat-trasport ġdida, flimkien ma’ għadd ta’ proġetti oħrajn li twettqu f’dawn l-aħħar snin u oħrajn li għadhom għaddejjin madwar Għawdex kollu.

Dan ukoll huwa parti mill-pjan tagħna li nkomplu nagħmlu minn Għawdex gżira aħjar. Hekk għamilna wkoll permezz tal-proġett ġewwa Villa Rundle. Ix-xogħlijiet li twettqu irrispettaw dak li ġie mgħoddi lilna mill-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna filwaqt li qed jirriflettu wkoll il-viżjoni tagħna għal futur.

Meta sar dan il-ġnien 97 sena ilu, kien ġie ppjantat fuq il-forma tal-bandiera Ingliża. Illum Villa Rundle ġiet mqassma f’erbà taqsimiet li jirrappreżentaw l-erba’ staġuni ir-Rebbiegħa, is-Sajf, il-Ħarifa u x-Xitwa. Dan ukoll sinjuri joffrilna spunt ta’ riflessjoni għal dak li għaddew minnhu l-gżejjer tagħna f’dawn l-aħħar deċenni. Fuq kollox jixhed il-ħila tal-poplu Malti u Għawdxi fit-tmexxija ta’ pajjiżu u kif dan dejjem ħares il-quddiem b’kuraġġ.

Illum mal-monumeti li jixhdu parti mill-istorja ta’ gżiritna ser jiżdied ieħor li jixhed pass ieħor li għamel pajjiżna permezz ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea. Jixhed ukoll kif din is-sħubija qed tiġi msarrfa għall-ġid tagħna lkoll. Nawgura għalhekk li l-objettivi li xprunaw it-twettieq ta’ dan il-proġett jintlaħqu billi nerġgħu nibdew naraw tfal, żgħażagħ, adulti u anzjani jgawdu mill-ambjenti ġodda f’dan il-ġnien li jikkumplimentaw ukoll l-idea u s-siġar li ġew mħawla kważi mitt sena ilu.

Dan il-mument jagħti sodisfazzjon mhux biss lili iżda lil kull min ħadem biex illum stajna nerġgħu niftħu l-bibien tiegħu. Nixtieq nieħu l-opportunità biex nappella għar-rispett tax-xogħol u l-investiment li sar. Il-viżjoni Eko Għawdex tpoġġi fuqna responsabilità li nibżgħu għall-ambjenti ta’ madwarna fl-aspetti kollha ibda mill-ekonomija, l-ambjent naturali, il-qasam soċjali u dak kollu li jagħti identità lil gżira. Dan il-ġnien huwa wieħed mill-elementi li jesponu l-karatteristiċi ta’ Għawdex. Għalhekk ejja nibżgħu għalih!

Sinjuri, l-preżenza tagħkom hanwhekk illejla tkompli timliena b’kuraġġ. Aħna ser inkomplu bl-impenn tagħna b’risq aktar proġetti. Proġetti li huma ta’ benefiċċju għal poplu Għawdxi kollu u għal dawk kollha li jagħżlu li jaqsmu miegħu l-ġmiel u l-karatteristiċi uniċi ta’ din il-gżira.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow