IL-PRESIDENT GEORGE ABELA JNIEDI T-TIENI EDIZZJONI TAL-PREMJU TAL-PRESIDENT GĦALL-KREATTIVITA’ 2012
Il-President George Abela, akkumpanjat mill-Ministru għat-Turizmu, l-Ambjent u l-Kultura, Dr Mario Demarco, żar wieħed mill-proġetti li seħħ permezz tal-Premju tal-President tal-Kreattività 2011 fil-Qawra; u gie wkoll mniedi it-tieni edizzjoni tal-Premju.
Il-proġett tal-Aċċess li għandu impatt dirett fuq il-ħajja taż-żgħażagħ li jgħixu fil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar, biż-żona kollha li tinkludi Buġibba u l-Qawra, rċieva €5,015 sabiex jiżviluppa inizjattiva li torbort iċ-ċentru tal-Aċċess mal-ħidma tal-Kunsill Lokali. L-element artistiku ewlieni ġie żviluppat fil-qasam tal-fotografija, u l-parteċipanti ħadmu fuq l-ideat u l-ħtiġijiet li jixtiequ jaraw indirizzati fil-lokalita’, bħalma huma l-ambjent, l-ispazji pubbliċi, spazji għall-isport, u spazji għad-divertiment taż-żgħażagħ. Il-proġett għalhekk jilħaq diversi għanijiet, li jinkludu: l-iżvilupp kreattiv taż-żgħażagħ permezz tal-fotografija; l-iżvilupp ta’ sens ċiviku u ta’ appartenenza taż-żgħażagħ fil-komunita’; il-kollaborazzjoni bejn entitajiet pubbliċi bil-ħsieb li jtejbu l-esperjenza ta’ kuljum taż-żgħażagħ fil-lokalita’; u l-parteċipazzjoni tal-artista (fotografa Elisa von Brockdorff) fl-iżvilupp tal-komunita’.
L-għan tal-Premju tal-President għall-Kreattività hu li jiżviluppa talenti ġodda u jgħin proġetti tal-arti li jimpenjaw it-tfal, iż-żgħażagħ u s-soċjetà ċivili b’kuntatt dirett mal-ħajja fil-komunità. Il-mira ewlenija hija fuq it-tfal u ż- żgħażagħ u fuq inizjattivi interġenerazzjonali. L-enfasi hija li jitqanqlu programmi soċjali u komunitarji ta’ żvilupp permezz tal arti.
Tliet Programmi: Tfal, Żgħażagħ u Komunità.
Il-Premju tal-President għall-Kreattività huwa mqassam fi tliet programmi, immirati lejn it-tfal, iz-żgħażagħ u l-komunità. Dan jorbot direttament mal-għanijiet tal Premju, jiġifieri:
a) li jiġi identifikat u ppremjat l-aħjar talent ġdid;
b) li jintwera u jingħata appoġġ bażiku minn esperti għal talent żagħżugħ li qed jipprometti;
c) li tingħata inċentiva għall-kontribuzzjoni ta’ persuni kreattivi żgħażagħ lejn l iżvilupp komunitarju; u
d) li jiġu appoġġati organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal ħtiġijiet soċjali u l-benesseri ta’ tfal u żgħażagħ permezz tal-kreattività u l arti.
L-Ewwel Edizzjoni tal-Premju
Matul l-ewwel edizzjoni tal-Premju li ġiet imnedija s-sena l-oħra, il-Premju alloka madwar €50,000 bejn 21 benefiċjarju, imqassma hekk:
- Għaxart itfal
- Tliet Proġetti fit-taqsima taż-żagħżagħ
- Tmien Proġetti fil-Komunita’
Ħafna mill-proġetti ġew implimentati matul ix-xhur li għaddew, waqt li oħrajn qed jilħqu l-qofol tagħhom f’dawn il-granet.
It-tnedija tat-tieni edizzjoni tal-Premju tal-President tal-Kreattività giet imnedija llum 15 ta’ Mejju. Is-sejħa għal proġetti se tkun miftuħa sat-28 ta’ Ġunju, u r-riżultati jiġu mħabbra sal-aħħar ta’ Lulju. Il-prioritajiet huma l-istess bħal meta ġie mniedi l-Fond l-ewwel darba.
Kull informazzjoni dwar Il-Premju tal-President għall-Kreattivita’, li tinkludi kopji tal-Linji Gwida kif ukoll applikazzjonijiet għat-tliet taqsimiet tal-Premju, tinstab fuq is-sit www.president.gov.mt.; wiehed jista’ wkoll icempel fuq tel. 2122 6226 jew jibghat email: president@gov.mt.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017