IMNIEDI SERVIZZ ĠDID FIL-QASAM TAS-SAĦĦA – NAPROTECHNOLOGY
Servizz li jgħin lill-koppji biex ikollhom it-tfal b’mezzi naturali
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex il-Ministru għal Għawdex, l-Onor Giovanna Debono u l-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità l-Onor Joe Cassar ħabbru servizz ġdid li għandu l-iskop li jgħin lill-koppji biex ikollhom it-tfal b’mezzi u metodi naturali. Is-servizz, li jissejjaħ Naprotechnology, se jkun offrut fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, fissret kif l-introduzzjoni ta’ dan is-servizz ġdid jirrifletti wkoll impenn kontinwu minn naħa tal-Ministeri konċernati biex jibqgħu jsaħħu s-servizzi tas-saħħa filwaqt li jsir użu aħjar mir-riżorsi. Hija spjegat kif dan is-servizz qed jiġi introdott ukoll fir-rigward ta’ promozzjoni u użu ta’ metodi naturali li huma diġà studjati u magħrufa li jagħtu riżultati pożittivi. Il-Ministru rringrazzjat lill-konsulenti u staff mediku ieħor li kienu strumentali fit-twaqqif ta’ dan il-unit fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li jirrappreżenta tragward importanti ieħor fir-rigward tas-servizzi li jingħataw mill-qasam tas-saħħa f’Għawdex.
Il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità l-Onor Joe Cassar qal li n-Naprotechnology se toffri assistenza lil dawk li qed jiffaċjaw diffikultajiet biex ikollhom it-tfal. In-natura tas-servizz irrikjediet il-ħtieġa li ssir riċerka adegwata u serja kemm f’dak li huwa servizz iżda fuq kollox dwar min u kif se joffri s-servizz. Hu qal li n-Naprotechnology huwa mezz kompletament naturali u li ma jinvolvix proċeduri jew mezzi artifiċjali u huwa bbażat fuq diversi studji li saru u li jittrattaw “is-sistemi” naturali tas-saħħa kemm tal-mara kif ukoll tar-raġel, bl-iskop li jiġi stabbilit il-konċepiment naturali ta’ tarbija, fil-ġuf tal-omm u assolutament mingħajr l-użu ta’ mezzi ta’ fertilizzazzjoni artifiċjali.
Dr. Cassar qal li dan is-servizz, se joffri s-sapport u l-għajnuna meħtieġa lill-koppji biex dawn ikunu jistgħu għalanqas jippruvaw proċeduri naturali qabel ma jiddeċiedu li jmorru għal oħrajn artifiċjali.
Is-servizz se jiġi offrut f’Għawdex u jirrikjedi li l-koppja tiġi riferuta għalih mit-tabib.
Dwar l-IVF il-Ministru Cassar fakkar li issa qegħdin pjuttost viċin lejn pubblikazzjoni ta’ liġi li se tqiegħed il-parametri tal-IVF f’pajjiżna, u wkoll biex is-servizz tal-IVF ikun offrut fis-settur pubbliku bħala wieħed mis-servizzi tas-saħħa li jipprovdi l-Gvern Malti.
Il-Ministeri jilqgħu bi pjaċir ir-reazzjoni pożittiva tad-djoċesi ta’ Għawdex dwar id-deċiżjoni tal-Gvern li jipprovdi s-servizz tan-Naprotechnology, u jirringrazzjaw lill-professjonisti li se jkunu involuti fil-proċess ta’ dan is-servizz ġdid.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017