STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN BI TWEĠIBA GĦAL ARTIKLU LI DEHER F’ĠURNAL LOKALI
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jirreferi għal artiklu stampat fil-ġurnal "L-Orizzont." Dan l-artiklu tratta każ ta' ċittadin Libjan li mar japplika għal viża għalih u għal ibnu fil-Konsolat Malti ġewwa Tripli.
Il-fatti huma dawn li ġejjin:
- Viża biex hu u ibnu jiġu Malta ġiet offruta lilu minnufih;
- Mhux minnu li l-applikant ma tħalliex japplika għal viża taż-żona Schengen.
- Viża għaż-żona Schengen tirrikjedi madwar ġimgħatejn żmien sabiex tiġi proċessata. Dan fid-dawl tal-fatt li l-pajjiżi membri kollha taż-żona Schengen jkunu jridu jagħtu l-kontribut tagħhom fid-deċiżjoni. Dan kien spjegat lill-applikant.
- L-applikant irrifjuta b’mod kontinwu li japplika għal viża maħruġa għal Malta biss. Din it-tip ta’ viża tinħareġ f’qasir żmien.
- L-applikant qatt ma ppreżenta dokumenti li juru li għandu appuntament ma’ xi sptar jew klinika f’Malta jew xi pajjiż ieħor fiż-żona Schengen
- L-applikant ingħata spjegazzjoni ta’ dan kollu u anke ngħataw dettalji lilu tal-proċedura li jrid isegwi biex jagħmel kuntatt ma’ sptar f’Malta għal appuntament.
Dan il-każ ma jtappan xejn il-ħidma intensiva li qed iwettaq il-Konsolat Malti fi Tripli. Iktar minn 6,500 viża ġew maħruġa mill-Konsolat Malti fil-Libja din is-sena. Din hija medja ta’ 360 viża fil-ġimgħa.
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jikkundanna l-fatt li minkejja li kien infurmat b’dan kollu, il-ġurnal “L-Orizzont” għażel li jippubblika storja b’mod inġust u li jitfa’ dubji serji dwar l-integrità tal-uffiċjali fi ħdan il-Konsolat Malti.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017