Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU WAQT L-INAWGURAZZJONI TAS-SAFI AVIATION PARK, ĦAL SAFI – IL-ĦAMIS 10 TA’ MEJJU 2012

pr1058
Date Icon 10/05/2012

Onorevoli Ministri
Mistiedna distinti
Sinjuri

Illum flimkien magħkom qegħdin nassistu għal pass ieħor fil-mixja ta’ pajjiżna.  Mixja sabiex pajjiżna jkompli joħloq aktar xogħol u xogħol aħjar.

Din hi l-mira tagħna – li flimkien noħolqu x-xogħol għalik, u xogħol bi dħul tajjeb.

Il-lejla rajna esperjenzi ta’ żgħażagħ, ta’ ħaddiema, ta’ investituri li tkellmu dwar it-taħriġ u x-xogħol f’pajjiżna.  Dawn l-esperjenzi jemozzjonawk għaliex jagħtu ħajja lid-deċiżjonijiet politiċi li nkunu qed nieħdu.  Dan li qed nagħmlu hu għalikom iż-żgħażagħ u l-ħaddiema tal-lum u ta’ għada.

Il-Gvern jirsisti kuljum biex jinħolqu aktar impiegi f’pajjiżna.  Filwaqt li qed nagħmlu dan, qed ninvestu b’mod qawwi fl-edukazzjoni.  F’kull livell.  Qed nagħtu ċ-ċavetta lil kull tifel u tifla, lil kull żagħżugħ u żagħżugħa, lil kull ħaddiem u ħaddiema biex jirnexxu u jagħmlu suċċess.  Għalhekk qed ninvestu fl-apparat u l-laboratorji fl-iskejjel, fil-campus tal-MCAST, fl-għalliema, fl-ischolarships u qed nagħtu u frixna aktar l-istipendju.  Qed ninvestu aktar fit-taħriġ, biex anki ħaddiema ta’ erbgħin u ħamsin sena jakkwistaw ħiliet ġodda u jkunu jistgħu jtejbu l-impieg tagħhom.  L-MCAST u l-ETC joffru korsijiet ta’ taħriġ għall-ħaddiema ta’ din l-età.

L-opportunità quddiemna, rappreżentata b’dan il-bini modern - simbolu ieħor tal-ekonomija u tal-viżjoni tagħna – ma nibtitx illum.  Hi riżultat ta’ deċiżjonijiet li ħadna, biex illum hawn aktar minn 1,000 ħaddiem f’din l-industrija tal-avjazzjoni. 

Il-Gvern irid li s-settur tal-avjazzjoni jiżviluppa u jikber.  Għalhekk investejna €17 miljun fis-Safi Aviation Park.  Kif smajtu, sa dalgħodu stess, ħabbarna investiment privat ieħor ġdid f'dan il-Park.   Aviation Cosmetics se jinvestu €22 miljun fil-bini ta’ żewġ hangars u se jinħolqu aktar impiegi.

Sinjuri,

Tul dawn l-aħħar snin kellna nieħdu numru ta’ deċiżjonijiet strateġiċi.  Waħda minnhom kienet li jew inkomplu nagħtu sussidji fl-industriji tal-bieraħ, jew inkella ninvestu fl-industriji li qed jevolvu u fl-industriji ta’ għada.

Għażilna l-aħjar interess tal-ħaddiema biex noħolqu aktar xogħol.  Emminna fil-potenzjal tal-Maltin, investejna biex pajjiżna jkun ċentru reġjonali ta’ kwalità f’oqsma differenti bi dħul tajjeb għall-ħaddiema.

Komplejna ninċentivaw l-industrija li ilha stabbilita f’pajjiżna u li qed tiġġedded biex iżżid l-investiment u l-impiegi f’pajjiżna.   Saħħaħna l-inċentivi u fassalna skemi ġodda għall-fabbriki u għas-sidien tan-negozji żgħar u medji.  Dawn ukoll urew il-fiduċja tagħhom fil-viżjoni li qed inwettqu u komplew jinvestu u jimpjegaw aktar ħaddiema.

L-investituri fis-settur tal-avjazzjoni emmnu fil-potenzjal u fil-ħiliet tal-ħaddiema tagħna.  Urew fiduċja u investew.  Investew f’pajjiżna u fil-ħaddiema tagħna.

Illum għandna settur finanzjarju fost l-aktar b’saħħithom fid-dinja.  Nospitaw numru dejjem jikber ta’ kumpaniji barranin u llum is-settur finanzjarju jimpjega aktar minn 12,000 ħaddiem.

Minn settur tal-manifattura jiddependi kważi għal kollox fuq it-tessuti, pajjiżna illum jilqa’ fabbriki b’valur għoli miżjud.  Malta saret ċentru importanti fil-manifattura ta’ prodotti mediċi, b’investiment dejjem jikber.  Il-ħaddiema f’pajjiżna jipproduċu apparat mediku u li jintuża fost l-aqwa sptarijiet. 

Dħalna f’oqsma ġodda fl-inġinerija u l-elettronika.  Fabbriki f’pajjiżna jipproduċu fost l-aktar ċipep elettroniċi avvanzati.

Investejna fl-infrastruttura neċessarja tal-komunikazzjoni u llum għandna kumpaniji rinomati u ewlenin tal-ICT f’pajjiżna.

Ġibna f’pajjiżna industrija ġdida oħra, dik tar-remote gaming.  Pajjiżna sar ċentru globali f’dan il-qasam b’numru dejjem jikber ta’ kumpaniji internazzjonali jiftħu f’pajjiżna u li jħaddmu aktar minn 5,000 persuna.

Il-prijorità tagħna hi x-xogħol tiegħek.  Il-prijorità tagħna hi x-xogħol ta’ uliedek.  Għalhekk qed inkomplu niġbdu aktar industriji ġodda li qed jiżviluppaw biex dawn ikunu sors ta’ investiment u ta’ ħolqien ta’ impiegi.

Fassalna strateġija għal-logħob diġitali u attirajna lejn xtutna wieħed fost l-aqwa ismijiet f’dan is-settur flimkien mal-kumpanija ġdida tiegħu.

Qed ninvestu fl-ekonomija tal-kreattività u l-innovazzjoni, biex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol għaż-żgħażagħ.

Qed ninvestu aktar fil-green economy, biex jinħolqu impiegi ġodda f’dan is-settur.

Qed isir il-bini tal-kampus il-ġdid b’investiment ta’ €30 miljun, biex jinħolqu impiegi ġodda fil-bijo-teknoloġija u l-life sciences.

Sinjuri

B’fiduċja fil-ħaddiema tagħna u fl-investituri, l-ekonomija ta’ pajjiżna kompliet tikber b’rata mgħaġġla u toħloq aktar xogħol.  Il-politika tagħna dejjem kienet favur it-tkabbir ekonomiku.  Id-direzzjoni strateġika tagħna kienet u hi:   ekonomija b’saħħitha li toħloq ix-xogħol u l-ġid li jwassal għal ħajja xierqa tal-familji tagħna.  F’erba' snin ħloqna 20,000 post tax-xogħol, naqqasna l-qgħad u naqqasna d-defiċit ta’ pajjiżna.  Konna fost il-ftit li għamlu dan kollu fl-Unjoni Ewropea.

Il-bażi ekonomika hi b’saħħitha.  Iżda hi b’saħħitha għaliex nieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn, kuljum.  Deċiżjonijiet b’responsabbiltà, bil-għaqal u li jħarsu fit-tul.

L-investiment fis-Safi Aviation Park hi għażla oħra fil-mixja biex noħolqu aktar xogħol. 

Flimkien qed noħolqu x-xogħol.  Għalik.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow