DISA’ PERSUNI RIPATRIJATI LEJN IN-NIĠERJA
Illum waranofsinhar disa’ persuni ta’ nazzjonalità Niġerjana ġew ripatrijati lura lejn pajjiżhom permezz ta’ titjira organizzata u ffinanzjata mill-Aġenzija tal-Fruntieri tal-Unjoni Ewropea, FRONTEX. Permezz ta’ din l-operazzjoni konġjunta, in-numru ta’ immigranti li kienu f’Malta illegalment għax ma jikkwalifikawx għall-ażil u li ġew iddeportati minn Malta fl-aħħar xahar tela għal 142.
It-titjira li oriġinat minn Perugia fl-Italja, għamlet stopover f’Malta biex tiġbor dawn il-persuni li qed jiġu skortati minn żewġ membri tal-Pulizija Maltija u numru ta’ uffiċjali tal-Korp. Abbord l-istess titjira kien hemm ukoll numru ta’ persuni li qed jiġu ddeportati mill-Italja flimkien mal-iskorta tagħhom magħmula minn uffiċjali tal-pulizija Taljana.
Fost il-persuni li ġew iddeportati minn Malta llum kien hemm uħud li kienu ħarbu miċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi ftit ġimgħat ilu.
Il-Ministru tal-Intern u l-Affarijiet Parlamentari, l-Onor. Carm Mifsud Bonnici jirringrazzja lill-Korp tal-Pulizija, partikolarment dawk tas-sezzjoni tal-Immigrazzjoni, għall-ħidma li qed iwettqu f’dan il-qasam. Huwa jrodd ħajr ukoll lill-uffiċjali tal-Ministeru li permezz tal-ħidma tempestiva tagħhom, inkisbu d-dokumenti tal-ivjaġġar ta’ dawn il-persuni mill-awtoritajiet Niġerjani.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017