IL-GVERN SE JOFFRI VAĊĊIN KONTRA L-KANĊER FL-GĦONQ TAL-UTRU (CERVICAL CANCER) GĦAT-TFAJLIET TA’ TNAX- IL SENA
Servizz ieħor tas-saħħa b’xejn bħala parti mill-pjan nazzjonali dwar il-kanċer
Il-Gvern se jibda joffri vaċċin kontra l-kanċer tal-għonq tal-utru b’xejn lit-tfajliet kollha li għandhom tnax-il sena. Dan ħabbru l-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor. Joe Cassar waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi.
Il-Ministru Cassar qal li dan huwa pass ieħor sinifikanti li se jissarraf f’nisa aktar protetti minn dan it-tip ta’ kanċer, u li jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ pajjiżna bħala wieħed mill-aktar pajjiżi avvanzati fil-qasam tal-kura u prevenzjoni tal-kanċer. Dr Cassar qal li l-investiment inizjali se jkun ta’ kwart ta’ miljun Ewro, u ħeġġeġ lit-tfajliet kollha tal-età indikata biex ladarba jirċievu l-istedina, jilqgħuha minnufih. Dan il-pass qiegħed jittieħed kemm bħala parti mill-pjan nazzjonali kontra l-kanċer kif ukoll mill-istrateġija nazzjonali dwar is-saħħa sesswali.
Joe Cassar qal li l-vaċċin se jingħata miċ-ċentri tas-saħħa b’xejn lit-tfajliet li għandhom 12-il sena. Dan għaliex ikun ideali li l-vaċċin jingħata qabel mal-persuna tkun attiva sesswalment. Hu qal li grazzi għall-politika mħaddna mill-Gvern f’dan il-qasam, pajjiżna għandu skeda ta’ tilqim aġġornata mar-rakkomandazzjonijiet internazzjonali.
Il-kanċer tal-għonq tal-utru jista’ jiġi kkawżat minn xi tipi ta’ virus “Human Papillomavirus”. Il-Vaċċin, li se jingħata hu effettiv u sigur u se jipproteġi minn xi tipi ta’ dan il-virus filwaqt li jnaqqas mhux biss ir-riskju ta’ infezzjoni iżda wkoll ir-riskju li mara timrad bil-kanċer tal-għonq tal-utru. Dr Cassar qal li il-vaċċin mhux se jneħħi l-bżonn li jsir screening, anzi hemm pjan biex dan jiġi msaħħaħ.
It-tilqima ser tibda tingħata mid-Dipartiment tal-Kura Primarja miċ-Ċentri tas-Saħħa. Trid tittieħed fi tliet dożi: l-ewwel doża, it-tieni doża wara xahar u t-tielet doża wara ħames xhur.
Dr Natasha Azzopardi Muscat qalet li d-Dipartiment tas-Saħħa ddeċieda li l-vaċċin jingħata miċ-ċentri tas-saħħa, u mhux fl-iskejjel, minħabba l-fatt li jkun aħjar jekk għall-għoti tal-vaċċin it-tfajla tkun akkumpanjata mill-ġenituri. Apparti minn hekk, mil-lat loġistiku, id-Dipartiment tal-Kura Primarja diġà jmexxi diversi programmi ta’ tilqim, u allura jkun hemm diversi professjonisti li jkunu jistgħu jwieġbu mistoqsijiet li jsiru mill-pubbliku.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017