ĊERTIFIKATI LILL-PARTEĊIPANTI FL-UNIVERSITÀ TAT-TIELET ETÀ
Aktar minn 200 anzjan u anzjana l-bieraħ irċivew Ċertifikat ta’ Parteċipazzjoni talli matul din is-sena attendew għal korsijiet organizzata mill-Università tat-Tielet Età.
Iċ-ċertifikati tqassmu mill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità Mario Galea. Fiċ-ċerimonja tkellem ukoll Prof. Joe Troisi, li jmexxi t-3UA u kien hemm is-sehem tal-kor tal-istess Università mmexxi minn Marie Therese Vassallo.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità l-Onor Mario Galea ddeskriva l-Università tat-Tielet Età bħala mewġa friska għall-anzjani tagħna li xtaqu impenn u provokazzjoni mhux tas-soltu f’ħajjithom.
L-Università tat-Tielet Età laqgħet fi ħdanha mijiet ta’ anzjani tul is-snin li ilha mwaqqfa. L-għan ewlieni baqa’ li joffri fonti ta’ għerf għal dawk l-anzjani li xtaqu u jixtiequ jbillu subgħajhom f’dinja sabiħa u hekk vasta tat-tagħlim.
Mario Galea qal li hu sabiħ tinnota kif l-Università tat-Tielet Età diġà faddlet wara daharha dsatax-il sena ta’ tagħlim kontinwu. In-numri ta’ attendenzi dejjem kienu kbar u fl-aħħar sena rajna mas-700 student anzjan għatxan għat-tagħlim.
Il-kelliem fakkar li din is-sena l-Unjoni Ewropea tefgħet sfida importanti għall-imsieħba tagħha. Qed tiddedika s-sena għall-anzjanità attiva u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Bla dubju, l-Università hija msejsa sew fuq dawn il-prinċipji għax lill-anzjani qed tagħtihom diversi ħiliet biex jibqgħu attivi.
Mario Galea qal li Malta hi xxurtjata li l-anzjani tagħha nbiddlu u qegħdin f’fażi ta’ transizzjoni mill-isbaħ. L-anzjani llum huma parti mid-dinja.
L-anzjani llum iħaddmu l-mobiles, jiċċettjaw fuq l-internet, jitkellmu ma’ uliedhom u n-neputijiet tagħhom fuq l-iSkype. L-anzjani llum huma ċittadini tal-villaġġ globali daqs kulħadd.
Mario Galea temm jgħid li dan kollu jfisser li l-anzjan sab iċ-ċavetta t-tajba: l-adattament. Mhux imma adattament ta’ bilfors għax ma kellux triq jew alternattiva oħra. Imma adattament biex jirbaħ hu. Biex permezz tal-mezzi ġodda jkollu iktar kapitli ta’ esperjenzi sbieħ wara dahru. L-anzjani tagħna għalhekk juruna ċar u tond xi tfisser tkun reżiljenti.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina qalet li kieku kellna bżonn ta’ ambaxxaturi biex nippromwovu l-kunċett tat-Tagħlim Tul il-Ħajja, żgur li l-parteċipanti tal-Università tat-Tielet Età kienu jkunu l-aħjar nies biex bl-eżempju tagħhom inwasslu dan il-messaġġ.
F’isem il-Gvern u l-poplu Malti hi wasslet ir-ringrazzjamenti tagħha lill-anzjani kollha Maltin u Għawdxin għall-kontribut kbir li taw lis-soċjetà kemm meta kienu għadhom iżgħar u dak li qed ikomplu jagħtu llum fi ħdan il-familji, fil-komunità fejn jgħixu u b’kull mod ieħor.
Din is-sena kien hemm 224 anzjan jew anzjana li attendew għal korsijiet f’48 suġġett differenti li żgur sabuhom interessanti u wasslulhom tagħrif ġdid li permezz tiegħu komplew ikabbru l-għarfien tagħhom tal-lingwi barranin, fuq it-teżori kulturali ta’ pajjiżna, l-ambjent, l-istorja ta’ Malta u tal-Unjoni Ewropea u suġġetti interessanti oħra.
L-edukazzjoni hi s-sies ta’ kull soċjetà. Kien għalhekk li f’dawn l-aħħar snin il-Gvern kompla jinvesti bil-kbir fl-edukazzjoni fil-livelli kollha. Illum għandna servizzi li jibdew minn qabel mat-tfal jitwieldu, permezz ta’ inerventi bikrija mal-familji, għandna numru ta’ ċentri għall-ħarsien tat-tfal u se nkomplu niftħu aktar fil-livelli kollha sal-Università u aktar.
Il-Gvern fetaħ beraħ il-bibien tal-edukazzjoni b’varjetà kbira ta’ korsijiet akkademiċi u vokazzjonali. Illum l-akbar studenti li għandna fl-edukazzjoni formali għandu 80 sena.
Il-Ministru qalet li meta tattendi f’okkażjoni bħal din u tara dan l-entużjażmu lejn it-tagħlim, tkompli tagħmel kuraġġ biex tkompli tinsisti biex tara li kemm jista’ jkun nies jibqgħu jistudjaw tul ħajjithom.
Din is-sena hi dedikata lill-Anzjanità Attiva u l-anzjani li jattendu l-Università żgur għadhom attivi mhux biss fil-parteċipazzjoni tagħhom f’din l-istituzzjoni edukattiva imma wkoll bis-sehem tagħhom f’għaqdiet volontarji, fil-parroċċi u l-komunitajiet fejn jgħixu u anke fil-familji tagħhom.
“Intom għad għandkom kontribut kbir u validu x’tagħtu lis-soċjetà. Għandkom taraw li tgħaddu lil uliedkom u lin-neputijiet tagħkom il-valuri sbieħ tal-familja u d-drawwiet u t-tradizzjonijiet li għaddew minn ġenerazzjoni għall-oħra biex nassiguraw li l-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri jibqgħu jgħożżuhom u jixorbu mill-benna tagħhom” qalet il-Ministru.
Hi awgurat lill-istudenti tal-Università tat-Tielet Età għomor twil biex ikomplu jistudjaw u jxerrdu l-kultura tat-tagħlim fil-familji tagħhom u fil-komunitajiet li jgħixu fihom.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017