DISKORS TAL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL, FL-OKKAŻJONI TAL-GĦELUQ IL-MITT SENA MIT-TWELID TA’ ANTON BUTTIGIEG - IL-ĠIMGĦA, 4 TA’ MEJJU - IL-BELT VALLETTA
Sinjuri,
Inġbarna llejla f’dan il-post meqjum mill-iskulari kollha sabiex infakkru lil wieħed minn niesna li għamel isem fl-oqsma tal-politika, tal-liġi, u tal-letteratura. Anton Buttigieg kien Ministru tal-Ġustizzja u t-tieni President ta’ Malta, u din is-sena taħbat il-mitt sena minn twelidu u llum jaħbat lejlet id-39 sena minn mewtu. Imma llejla nġbarna hawn biex bi ftit ħsibijiet nagħtuh ġieħ billi niftakru f’dak li ħallielna bil-pinna poetika tiegħu.
Żmienu
Anton Buttigieg twieled il-Qala (Għawdex) fid-19 ta’ Frar 1912. Twieled f’pajjiż li kien kolonja tal-Imperu Ingliż u bażi militari, fi żmien meta l-Maltin kienu qed jippruvaw isaħħu l-qagħda tagħhom fil-gvern, jinsistu għal riformi soċjali, u jitolbu li jkollhom kostituzzjoni li tagħtihom awtonomija politika u amministrattiva. Ir-reliġjon Kattolika kienet suprema u fil-qasam lingwistiku l-pajjiż kien għad m’għandux ortografija tiegħu u kien mhedi jissara mal-kwistjoni tal-lingwa.
Meta miet fil-5 ta’ Mejju 1983 Malta kienet saret indipendenti u repubblika u hu kien għadu kif temm il-ħatra tiegħu bħala t-tieni President ta’ Malta. Malta kienet saret pajjiż industrijali u turistiku, u r-reliġjon kienet qed tiġi sfidata taħt l-impatt tar-razzjonaliżmu u l-materjaliżmu. Il-lingwa kienet stabbilita sew bil-kostituzzjoni u fil-prattika.
Matul dawk il-71 sena d-dinja rat (fost bosta affarijiet oħra) żewġ gwerer dinjija, twessigħ ta’ gwerra bierda, u żvilupp materjali u intellettwali li qatt ma kien hawn bħalu qabel. Sadattant Malta ngħatat is-self-government u l-George Cross għal qlubitha, kisbet l-Indipendenza u saret Repubblika, u temmet il-bażi militari. Fl-istess perjodu twieldet u żviluppat l-Akkademja tal-Malti, Dun Karm stabbilixxa ruħu bħala l-Poeta Nazzjonali, issawwar l-Innu Malti, u l-kittieba tas-sittinijiet taw direzzjoni ġdida lil-letteratura.
Dawn iċ-ċirkustanzi kollha taw lil Anton Buttigieg ħajja pubblika għammiela li tintiseġ prinċipalment fi tliet oqsma:
- fil-qasam tal-liġi – laħaq avukat fil-bidu tal-erbgħinijiet, serva bħala spettur tal-pulizija fit-Tieni Gwerra Dinjija, kien riporter fuq il-liġi mat-Times of Malta, u kien innominat aġent maġistrat f’nofs il-ħamsinijiet;
- fil-qasam tal-politika – kien deputy leader tal-MLP, Ministru tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Parlamentari, viċi Prim Ministru, u t-tieni President ta’ Malta (1976-1981); u
- fil-qasam tal-letteratura – kien poeta li ppubblika diversi ġabriet ta’ poeżiji u awtur ta’ awtobijografija fi tliet volumi.
Illejla se naraw xi ħaġa minn Buttigieg il-poeta; se naraw kif interpreta l-ħajja u għaddielna l-interpretazzjoni tiegħu fil-forma meqjuma tal-poeżija bl-entużjażmu Romantiku tiegħu li jfakkarna fi kliem Shelley (fid-Defence of Poetry, 1821) li qal: “Poets are the unacknowledged legislators of the world” – idea kompatibbli ħafna ma’ Buttigieg l-avukat.
Il-poeta
Fil-ġrajja letterarja ta’ pajjiżna Buttigieg jibqa’ msemmi għat-tħabbib tiegħu mal-Muża. Kiteb fuq diversi suġġetti imma l-aktar li jissemma huwa bħala l-Poeta tan-Natura[1] fi ħdan ir-Romantiċiżmu Malti li kien attitudni jew orjentament intellettwali li enfasizza l-individwu, is-soġġettiv, l-immaġinattiv, il-personali, l-ispontanju, l-emozzjonali, u l-viżjonarju.
- Il-Prof. Ġużè Aquilina jsejjaħlu “poeta romantiku klassiku” għax jibni l-poeżija tiegħu fuq is-“solennità tal-versi klassiċi” bl-“ilwien tal-fantasija romantika”,[2]
- il-Prof. Oliver Friggieri jsejjaħlu “għannej tan-natura” għax fih “in-natura hija l-fidi” u “hija l-interpretu tal-kriżi u tal-hena tal-eżistenza”,[3] u
- il-Prof. Charles Briffa jsejjaħlu l-poeta Romantiku li joħloq il-poeżija minn esperjenzi familjari tal-bniedem b’lingwa ordinarja.[4]
Minn dawn it-tliet kummenti nistgħu nisiltu l-karatteristiċi ewlenin ta’ Buttigieg il-poeta, u b’mod ġenerali ngħidu li l-poeżija tiegħu
- tifforma parti mir-Romantiċiżmu Malti: hija mimlija immaġinazzjoni u tibqa’ ġeneralment serja,
- tittratta n-natura bħala parti mill-eżistenza, u
- tippreżenta t-tiġrib uman b’lingwa komuni li tgħinu biex ikun personali u spontanju.
L-immaġinazzjoni
Il-poeżija toħroġ mill-immaġinazzjoni imma fl-istess ħin nifhmu li t-trattament tradizzjonali tan-natura jżomm lill-poeta marbut mar-realtà. Il-ġmiel tal-ħolqien narawh joħroġ fl-osservazzjonijiet naturali li jingħaqdu mal-immaġinazzjoni, mas-sentimenti, u mal-esperjenzi tal-poeta. Bosta drabi fin-natura l-poeta jsib dinja ta’ ferħ u jagħmilha maqdes ta’ ħolm li jiġbor fih ħsibijietu. Moħħu jitmieraħ u jimraħ fil-beraħ rustiku, u l-qarrej jilmaħ lill-poeta jitmattar fil-ħolqien biex jistrieħ u jinseġ dehriet kampanjoli. B’eżempju nsemmi l-poeżija L-Imtaħleb fejn Buttigieg jitgħaxxaq bil-ġmiel naturali tar-raba’ li rah f’xirka max-xemx – dehra li ġagħlitu jsejħilha “oħt bħal San Franġisk”.
U qgħadt inħares ċass lejn ix-xemx nieżla,
u mingħajr kliem jien qgħadt nitkellem magħha,
qalbi ferħana daqs il-mewġ ta’ taħtha,
mixgħula daqs il-wied bir-raġġi tagħha.
L-immaġinazzjoni, elevata għall-fakultà suprema tal-moħħ, fiha qawwa kreattiva u hija dinamika fil-funzjoni tagħha. Hija l-fakultà li toħloq il-poeżija imma fl-istess ħin tgħin lill-poeta biex isawwar ir-realtà tiegħu. Bl-immaġinazzjoni l-poeta jipperċepixxi d-dinja ta’ madwaru u joħloqha fil-kuntest letterarju tiegħu. Biha l-poeta jgħaqqad ir-raġuni u s-sentiment b’dak li Coleridge sejjaħ intellectual intuition. U b’din ix-xorta ta’ immaġinazzjoni l-poeta jirrikonċilja d-differenzi u l-kuntrarji – din ir-rikonċiljazzjoni hija ċentrali għar-Romantiċi.
In-natura
Għal Anton Buttigieg in-natura – fattur predominanti fil-poeżija tiegħu – hija “l-ħolma t’Alla” u għaldaqstant titlob rispett sħiħ mill-bniedem. Fuq dan it-trijumvirat (Alla-bniedem-natura) isawwar l-istħajjil poetiku tiegħu. Għax il-qawwa tal-ħidma poetika f’Buttigieg hija l-ġibda li kellu għan-natura – għal ġmiel in-natura. Kien jinħakem minnha u joffri lilu nnifsu għas-seħer kreattiv ta’ ħsibijietu. Għalih in-natura ma kinitx qiegħda hemm biex toqgħod tħares lejha, imma biex iġġarrabha u tassimilaha. Għalih ukoll in-natura tidher bħala xogħol tal-arti fiha nnifisha għax tgħaddi mill-għarbiel tal-immaġinazzjoni tiegħu u jesprimiha b’lingwa ordinarja imma emblematika (il-“ħolma t’Alla”). Joffri perspettivi differenti tan-natura, fosthom:
- in-natura b’qawwa li tfejjaq jew isserraħ,
- in-natura li tipprovdi xbieha jew suġġett għall-ħsieb, u
- in-natura bħala refuġju mill-artifiċjalità taċ-ċiviltà.
In-natura tgħaqqad kollox b’mod organiku. Għalhekk fl-istħajjil tiegħu jilmaħ lill-annimali, lix-xtieli, u lill-fjuri jieħdu l-ħajja biex ikattru l-qima lill-ħolqien ta’ Sidhom:
- il-bufula tgħanni biex tferraħ il-ħolqien (Għanja lill-Bufula);
- id-dudu tal-ħarir jinseġ “ħjut irżini” (Għanja tad-Dudu tal-Ħarir);
- il-kokka, li “tara kollox”, twerżaq “biex iżżomm il-lejl bin-nifs tal-ħajja/ U ma tħallihx imut” sas-sebħ (Il-Kokka);
- il-palma tiżżeffen qisha fawwara (Il-Palma Tiegħi);
- iċ-ċiklu naturali tax-xita huwa mezz li jkabbar ix-xitla tal-ansar avolja se jimlieha bis-semm (Ix-Xitla tal-Ansar);
- il-ward li jdur id-dawra max-xemx mil-Lvant għall-Punent jingħata dehra sabiħa li sservi ta’ “rahan/ Ta’ ġieħ u qodos” (Il-Ward tax-Xemx);
- ir-riħa tar-ranċis ma jegħlibha ħadd fin-natura (Ranċis);
- u l-kampanella ssaħħar l-ambjent (Lill-Kampanella).
Mhux ta’ b’xejn li fil-poeżija tiegħu l-kampanja tidher qisha ġenna tal-art (Il-Passiġġata) u l-wied jitbierek bl-ilma ġieri (Il-Wied tal-Isperanza).
Id-dehriet tan-natura fil-poeżiji tiegħu huma kwadri mix-xenarju Malti. Huma frott tal-osservazzjoni ħerqana tiegħu mżewġa ma’ mħabbtu għan-natura. Din l-imħabba tidher fih meta jirreferi għan-natura bħala “ommna n-Natura” li “taħdem bħal lsira” biex tkabbar il-ħlejjaq u x-xtieli (Ix-Xitla tal-Ansar). U meta kien jara ħlejqa kellu ħila jidħol bl-immaġinazzjoni tiegħu fil-ħajja ta’ dik il-ħlejqa u jieħu sehem fl-eżistenza tagħha. Iħoss id-dinja tan-natura bħala dinja ħajja li tkellmu bil-ħidma karatteristika tagħha.
Il-ħsibijiet ta’ Buttigieg jitħalltu mas-sensazzjonijiet biex jinħolqu impressjonijiet ċari ta’ natura dinamika u attiva: hekk jitfisser moħħ il-poeta li jara l-qamar isir “mgħallem ta’ dejjem” għall-arti, mużika, u letteratura (Għanja lill-Qamar) u l-qawsalla ssir “L-imgħallma tal-kuluri” li biex ma titfixkilx fl-għażla tal-ilwien ħadithom f’daqqa u żewqet bihom il-qaws tagħha (L-Ilwien).
Ir-realtà
Mela, Anton Buttigieg huwa l-poeta Romantiku li jitgħaxxaq jimraħ ferrieħ bil-għana mlewwen li jogħla fil-beraħ mar-riħ (Il-Poeta). Imma jżomm saqajh mal-art għax minkejja x-xeħta Romantika tiegħu, xorta baqa’ jżomm ruħu f’kuntatt mad-dinja reali tal-bniedem minħabba li kellu interess fl-umanità u minħabba (kif għedna) li n-natura stess hija parti mir-realtà ambjentali.
Naraw waqtiet fih meta jdaħħal lill-bniedem f’relazzjoni man-natura. Pereżempju, isemmi l-fjura li sserraħ u thenni lill-bniedem bi fweħitha (Ranċis) u juri l-ġid, il-ħlewwa, il-ħelsien, u s-sliem tal-għasfur kif jidħlu f’kuntrast maċ-ċaħdiet li l-bniedem irid iġarrab (Għanja lill-Bufula). Kien ukoll iħoss il-firda tal-mewt bħal kull bniedem ieħor (Niftakar, Bla Demgħa ta’ Biki) u jħoss saħħtu “tmut kuljum” imma jsib is-sabar fil-poeżija li tixgħellu “naqra ta’ fanal” li jtaffilu d-diqa (Il-Kebbies tal-Fanali). U minkejja l-immaġinazzjoni Romantika tiegħu xorta baqa’ fid-dinja tal-bniedem u l-avvenimenti pubbliċi tiegħu (It-Tluq tat-Truppi u Kollox bħas-Soltu, Lis-Sena l-Ġdida 1964, Innu Popolari tal-Indipendenza).
Fi kliem ieħor, kultant iwarrab lin-natura u jħares lejn iż-żmien bl-avvenimenti tal-mument: bosta drabi l-poeżija tiegħu tkun diretta imma kultant issir simbolika. Dejjem, però, tibqa’ reali, bħal meta (fi żmien li Malta kienet għadha bażi militari) jara t-tluq tat-truppi sejrin “biex iħarsu l-paċi tad-dinja” u jgħid:
Imorru t-truppi,
jiġġieldu, jċarċru demmhom,
ġrajjiet b’ittri tad-deheb
fil-paġni tal-istorja,
gzuz ta’ slaleb
fiċ-ċimiterji fl-artijiet imbiegħda,
u gzuz u gzuz ta’ romol u ta’ ltiema,
u l-Paċi terġa’
fid-djar imfarrka tal-ibliet...
(It-Tluq tat-Truppi – Kollox bħas-Soltu)
Din hija deskrizzjoni diretta tar-realtà li xorta ssawtu lill-bniedem bis-sentenza nominali tat-titlu (“Kollox bħas-Soltu”) li tidħol f’kuntrast qawwi mar-repetizzjoni ta’ “gzuz” (ta’ slaleb fiċ-ċimiterji, romol, u ltiema).
Dan il-poeta, meta jitqanqal, iserraħ fuq l-immaġinazzjoni għall-espressjoni tiegħu. Fil-ferħ tiegħu li Malta saret indipendenti jixtieq li kien pilota biex jixħet fuq l-iskrin tas-sema farka minn dak li kien qiegħed iħoss f’qalbu:
F’kopplet is-sema
ikħal bħan-nir,
kapulavur
ta’ Alla kbir,
Li kont pilota,
jien bid-duħħan
nikteb bil-pinna
tal-ajruplan:
“Indipendenza”,
u bit-twerdin
niġbed il-ħarsa
tagħkom, Maltin!
(Li Kont Pilota)
Imma ebda fantasija ma tidħol fit-tifsira tiegħu tal-Indipendenza, anzi jilmaħ “glorja u ġieħ” għal “Malta ommna” u hu u jifraħ bil-ħelsien jgħajjat f’isem il-Maltin:
Aħna nwiegħdu għaqda sħiħa
kemm fil-ġid u kemm fil-hemm;
aħna nwiegħdu ħidma sfiqa,
għalik aħna nċarċru d-demm.
(Innu Popolari tal-Indipendenza)
Fil-bidu tas-sena 1964, meta Malta kienet riesqa lejn l-Indipendenza, Buttigieg jitħasseb fuq il-futur u lis-sena l-ġdida jgħidilha:
Ah! Biegħed minna
il-għelt, il-ġlied,
id-demm bejn l-aħwa.
(Lis-Sena l-Ġdida 1964)
Irid xejriet pożittivi bħas-sabar, imħabba, għaqda, sliem, u ħelsien fost ħutu l-Maltin
U jekk, ja Sena Ġdida,
sew bħall-allat tal-qedem,
int trid id-demm
ta’ sagrifiċċju fuq l-altari tiegħek,
ħu biss lil ħajti
li qed noffrilek bit-tregħid ta’ ġismi
iżda bi spirtu mħejji.
Dan il-ħsieb huwa mnebbaħ mis-sens ta’ patrijottiżmu tal-poeta. Il-ġrajja ta’ art twelidu tqanqlu u l-poeżija ssir paġna minn djarju li turi lill-awtur bħala poeta ta’ żmienu b’rabta ma’ pajjiżu.
Privileġġ
Bħala poeta Romantiku, Anton Buttigieg iħossu “bniedem privileġġat” (Jiena Poeta) għax hekk għamlu Alla: biex iħoss “l-immensità tas-sema” u “l-immensità tan-niket” – stqarrija poetika li tmiss il-hena u s-swidija tal-ħajja umana b’lingwa sempliċi mingħajr drammatiċità. Il-paragun tal-“poeta għannej”, tal-“poeta ferrieħ” huwa ma’ “tfajjel li jagħmel il-bżieżaq (Il-Poeta): “għanjietu ħelwin” isiru l-bżieżaq li, meta jtiru fl-arja, juruh id-“dehra tas-sema” u l-ilwien tan-natura; il-poeta jifraħ jara l-poeżija tiegħu bużżieqa li timraħ fil-għoli mlewwen, ukoll meta jaf li hija fraġli u tista’ tinfaqa’ ħin bla waqt. Għax għalih “Alla ħares – /ma kinitx il-Poeżija” li tixgħellu f’qalbu “naqra ta’ fanal,/ illi jtaffi ftit id-diqa” ta’ ħajtu (Il-Kebbies tal-Fanali).
Kif għedna, Buttigieg huwa fl-aqwa tiegħu meta jimraħ bl-immaġinazzjoni fil-beraħ Romantiku ħa jfittex l-għaxqa tan-natura. Din il-ħaġa hawn min jaraha bħala ħarba li fil-kritika tissejjaħ eskejpiżmu (escapism) – sens ta’ ħarba akkumpanjat minn iżolament għax bih jinqata’ mill-ambjent tal-bniedem, u forsi għalhekk mhuwiex drammatiku fil-preżentazzjoni poetika tiegħu. It-titjira lejn il-beraħ tal-ħolqien hija l-impuls Romantiku li jwasslu lejn “l-immensità tas-sema/ iżraq u hieni” (Jiena Poeta).
Konklużjoni
Ħadd ma jista’ jagħti minn dak li m’għandux. Ħafna jqisu l-poeżija bħala awtobijografija u jekk nimxu ma’ dan il-ħsieb ikollna nikkonkludu li s-sens Romantiku ta’ ġmiel fin-natura li nsibu fil-poeżija ta’ Anton Buttigieg (l-għannej tan-natura) kien fil-verità parti minn ruħu, tant hu hekk li meta jħoss in-natura fih jgħidilna:
...erħilha qalbi tfur bil-poeżija,
sew kif l-għadira tfur bl-ilma tal-wied
li jinżel ħelu ħelu minn mal-għolja,
u toħlom b’ħafna sħab u xemx u kwiet.
(Agħtini Sema Ikħal...)
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017