SERVIZZ TA' CUSTOMER CARE TAS-SIGURTÀ SOĊJALI MILL-KUNSILL LOKALI TAL-MELLIEĦA
Il-Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja jħabbar li min-nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Mejju 2012, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, se jibda jagħti servizz ta’ customer care mill-uffiċċji tal-Kunsill f’din il-lokalità.
Dan se jkun it-tielet Kunsill Lokali li minnu d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali se jkun qed jagħti s-servizz tiegħu lill-pubbliku, wara dawk tal-Gudja u Ħ’Attard.
Dan kollu qed isir bħala parti minn riforma sħiħa, fil-mod kif id-Dipartiment jagħti s-servizzi tiegħu lill-pubbliku, u li l-qafas tagħha kien tħabbar mill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said fis-7 ta’ Marzu li għadda.
Bis-saħħa ta’ dan is-servizz, residenti tal-Mellieħa jistgħu jinqdew mill-Kunsill Lokali biex:
- japplikaw għal kwalunkwe benefiċċju tas-sigurtà soċjali;
- jirraportaw kwalunke tibdil ta’ ċirkostanzi;
- japplikaw għal, jew iġeddu l-karta r-roża;
- jissottomettu ċertifikati tal-mard; u
- jagħmlu kwalunke talba għal informazzjoni dwar kwalunkwe materja ta’ sigurtà soċjali.
Dan is-servizz se jkun qed jingħata mill-uffiċċji tal-Kunsill Lokali Mellieħa kull nhar ta’ Ġimgħa bejn it-8.00am u 12.00pm u bejn is-1.30pm u l-4.30pm.
Fil-ġimgħat li ġejjin, is-servizz se jkun qed jiġi estiż għal aktar Kunsilli Lokali, fosthom f’Għawdex.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017