133 PERSUNA RIPATRIJATA F’ANQAS MINN XAHAR
Il-Ministru tal-Intern u l-Affarijiet Parlamentari, l-Onor. Carm Mifsud Bonnici jixtieq jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-ħidma imwettqa fl-aħħar ġimgħat mill-Korp tal-Pulizija biex jiġu deportati numru sostanzjali ta’ persuni li kienu Malta illegalment u li ma kinux intitolati għal protezzjoni umanitarja jew ażil.
“Irrid inrodd ħajr lill-Korp għall-ħidma tempestiva tat-taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Korp li kompliet il-bieraħ bit-tluq ta’ titjira skedata tal-linja tal-ajru Eġizzjana. Din ħadet lura l-Eġittu 54 persuna, inklużi t-52 Eġizzjan li waslu Malta u Għawdex f’żewġ gruppi nhar is-Sibt li għadda,” qal il-Ministru.
Huwa fakkar li f’inqas minn xahar, il-Pulizija iddeportat mal-133 persuna, fosthom lejn pajjiżi fil-punent tal-Afrika bħan-Niġerja u l-Ghana. “Dawn huma pajjiżi li magħhom Malta m’għandhiex relazzjonijiet diplomatiċi diretti, u għalhekk il-proċess biex jinkisbu d-dokumenti tal-ivjaġġar li huma indispensabbli biex persuna tkun tista’ tiġi ripatrijata huwa pjuttost ikkumplikat u twil. Madanakollu, żviluppi reċenti xprunati mill-Ministeru wasslu biex dan il-proċess ikun jista’ jitħaffef aktar,” qal il-Ministru Mifsud Bonnici.
Il-Ministru rringrazzja wkoll lill-awtoritajiet tan-Niġerja, il-Ghana u l-Eġittu għall-koperazzjoni li wrew f’dawn l-operazzjonijiet ta’ ripatrijazzjoni.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017