DISKORS TAL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, FL-OKKAZJONI TAL-FTUĦ UFFICJALI TAL-POST IL- ĠDID TAL-‘MALTA MIDWIVES ASSOCIATION’ – L-IMSIDA – 5 TA’ MEJJU 2012
L-għodwa t-tajba,
Huwa ta’ unur għalija li qiegħed hawnhekk magħkom illum għall-ftuħ ufficjali tal-Post il-ġdid tal-‘Malta Midwives Association’ ġewwa l-Imsida. Żgur li bħala assoċjazzjoni ħdimtu ħafna biex dan il-post iservi ta’ għajnuna għall-komunità Maltija; għajnuna kemm għall-qwiebel u għal dawk il-koppji li qegħdin jistennew tarbija. L-għan tagħkom il-qwiebel huwa li tħarsu is-saħħa ta’ l-ommijiet u l-familji tagħhom. Dan l-għan nistgħu ngħidu li hu wieħed universali. Mill-Istati Uniti għal l-Uganda, min-Niġerja għal Nepal, l-irwol tal-qabla jibqa’ dejjem l-istess, irrispettivament mid-differenzi ġeografiċi. Għalhekk f‘dan il-jum tant speċjali li qegħdin niċċelebraw illum, hija ferm addatta t-tema magħżula mill-federazzjoni internazzjonali tagħkom li madwar id-dinja hawn bżonn qwiebel aktar minn qatt qabel. F’kuntest lokali aħna ukoll inħarsu l-istess għanijiet; li nħarsu u ntejjbu s-servizzi li noffru lin-nisa u l-familji Maltin. Bħala Ministru responsabbli għall-qasam tas-saħħa, nemmen li għandna nkomplu nibnu fuq id-diskussjonijiet bejn il-dipartiment u l-assoċjazzjoni tagħkom fejn flimkien għandna nippromovu l-ħlas bħala proċess naturali fil-ħajja tal-familji tagħna.
Din is-sena, dan il-jum jaħbat f’mument tant important għalikom bħala assoċjazzjoni. L-ewwel nett qegħdin taħdmu biex tkomplu toffru s-servizzi tagħkom fil-komunità, Bħala assoċjazzjoni nħeġġiġkom biex il-viżjoni tagħkom tkun waħda ċara u b’hekk tkomplu ttejjbu s-servizzi tagħkom. Naf li ħafna mill-qwiebel qegħdin ikomplu l-istudji tagħhom f’livell avvanzat u dan il-progress fl-edukazzjoni jinstigakom biex tipprovdu saħħa ħolistika lil ommijiet tagħna.
Skond il-Kodiċi tal-Prattikà tal-Qwiebel (2005) u d-Direttivi ta l-Unjoni Ewopea 80/155 EEC Artiklu 4, il-qabla hija l-persuna awtorizzata u kompetenti biex toffri l-kura waqt t-tqala u l-ħlas. Il-kura li tagħtu intom il-qwiebel tmur iktar mill-kura li toffru ġewwa l-isptarijiet imma għandha tkun ibbażata ukoll fil-kura primarja. Il-qabla flimkien mal-familji fil-komunità hija pilastru importanti fil-kura tas-saħħa primarja. Bħala assoċjazzjoni nħeġġiġkom biex tkomplu mexjin il-quddiem u tibqgħu leali lejn il-professjoni tagħkom. Huwa vitali li taħdmu bħala tim, tkunu magħqudin u b’hekk l-impatt tagħkom ma jkunx biss fuq l-ommijiet u t-trabi tagħhom imma fuq il-popolazzjoni Maltija kollha. Il-koppja li qiegħda tistenna tarbija għandhom ikollhom l-opportunità biex jiddiskutu mal-qwiebel qabel, waqt u wara l-ħlas u b’hekk ikollhom iktar involviment u għażla fuq il-kura li jixtiequ jirċievu. Din il-kura tistgħu toffruha intom il-qwiebel, bħala professjoni awtonoma jew f’parti minn tim ikbar ta’ professjonisti.
Bħala Ministru ta-Saħħa, jiena kunfidenti li bħala assoċjazzjoni ser tibqgħu tħallu impatt fuq is-soċjetà Maltija. Barra s-servizzi li diġà qegħdin toffru nixtieq nara iktar żviluppi fil-kura ta’ qabel u ta’ wara il-ħlas hawnhekk ġo dawn il-post il-ġdid. Bħala Gvern investejna ħafna fejn jidħol il-qasam tas-saħħa. Bhal ma ġara fl-aħħar sena nixtieq inkomplu nsaħħu l-kollaborazzjoni li bdejna bejn d-dipartiment u l-assoċjazzjoni tagħkom biex nsaħħu il-ħidma tagħkom fil-komunità ħidma li tħalli ħafna frott. Nawgura lil kull waħda minnkom ikollha ġurnata mill-aqwa waqt li qegħdin tiċċelebraw il-professjoni tagħkom. Prosit ukoll ta’ l-attivitajiet li ser torganizzaw għada għall-pubbliku bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dan il-jum.
Grazzi
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017