STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ
In-negattività tal-Oppożizzjoni twassal għal konklużjonijiet ħżiena
B'referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu barra l-Isptar Mater Dei mill-Oppożizzjoni, in-negattività li ħakmet lill-Oppożizzjoni issa saħansitra qed taffettwa il-konklużjonijiet li qed tasal għalihom.
F'dak li probabbilment huwa żball tal-għaġla min-naħa tal-Oppożizzjoni, l-Onor. Coleiro Preca waslet għal konklużjonijiet inkorretti wara laqgħa li t-tmexxija tal-isptar għamlet ma’ rappreżentanti tal-professjonisti li jaħdmu fir-rehabilitation block. Fil-fatt, dak li seħħ hu li s-CEO tal-Isptar Mater Dei għamel laqgħa li matulha stqasa għall-parir u l-opinjoni ta’ dawn il-professjonisti dwar il-possibilità ta’ bdil ta’ użu tal-block.
Mhux veru li ttieħdet xi deċiżjoni. Mhux veru li sar xi ħaġa bil-moħbi. Jidher li fl-għaġla tagħha l-Oppożizzjoni issa qed tmaqdar it-tmexxija tal-Isptar għax ikkonsultat mal-ħaddiema.
Dan huwa każ ieħor fejn il-kelliema għall-Oppożizzjoni wriet biċ-ċar li ma tafx x'inhu għaddej fil-qasam tas-saħħa. Fil-fatt hija prassi li kull sptar jagħmel evalwazzjoni ta’ kif ikun qiegħed jintuża l-isptar wara numru ta’ snin. Dan iseħħ bħala parti mill-prattiċi normali bl-iskop li kull sptar ikollu stampa ċara ta’ kif l-istess sptar ikun jista’ jiġi mmexxi u wżat aħjar għan-neċessitajiet dejjem jinbidlu ta’ kull soċjetà.
L-Oppożizzjoni qed tipprova tindaħal f'dak li huwa tmexxija tal-Isptar mingħajr ma ssemmi xejn dwar il-politika għal dan il-qasam. Fil-fatt illum saħansitra maqdret id-discharge lounge, li huwa ambjent komdu li fih pazjent li jkun għadu kemm ġie discharged mill-Isptar jista’ jistenna l-familjari tiegħu bil-kwiet, filwaqt li jara t-televiżjoni u jingħata sandwiches u cafè mill-voluntiera tal-VolServ.
Minn mindu infetħet id-discharge lounge aktar kmieni s-sena li għaddiet qed tintuża minn numru dejjem jikber ta’ pazjenti. Il-fatti juru li din kienet inizjattiva tajba u proattiva min-naħa tal-management tal-Isptar Mater Dei. Filfatt, dawk it-3,427 persuna li wzaw id-discharge lounge jafu, b'esperjenza, diretta kemm din hija komda. L-Onorevoli Preca ħasset il-bżonn li titfa’ dubju dwar is-saħħa u s-sigurtà fl-Isptar. Il-Ministeru b'dispjaċir jinnota li wara xhur ta’ tmaqdir u attakki fil-konfront tal-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa, issa l-Oppożizzjoni qed iddur fuq professjonisti oħrajn li jaħdmu l-Isptar.
Minkejja li l-Oppożizzjoni qed tipporva tallarma, il-Ministeru jiddefendi bil-qawwa kollha s-servizz li jingħata minn team ta’ professjonisti li xogħolhom hu propju dak li tiġi żgurata kemm is-sigurtà kif ukoll is-saħħa ta’ min iżur l-Isptar. Fost l-oħrajn isiru fire drills u taħriġ għal staff kull ġimgħa. Imma dan ma jiġix apprezzat mill-Oppożizzjoni. Għal darb’oħra llum l-Oppożizzjoni wriet bil-fatti kemm mhix aġġornata dwar is-settur tas-saħħa, u filwaqt li baqgħet konsistenti fin-negattività tagħha, għal darb’oħra baqgħet ma sabet xejn pożittiv u baqgħet ma wasslet l-ebda ħjiel ta’ politika għas-settur.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017