STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT b’RISPOSTA GĦALL-KONFERENZA TAL-AĦBARIJIET TAL-OPPOŻIZZJONI DWAR L-EKONOMIJA U L-FINANZI
Iż-żieda fl-investiment u l-ħolqien tax-xogħol huma wkoll riżultat tal-politika tal-Gvern u tal-istabbilità fil-finanzi tal-pajjiż
Iż-żieda fl-investiment u l-ħolqien tax-xogħol f’pajjiżna huwa riżultat tal-ambjent ekonomiku li ħoloq il-Gvern u tal-istabbilità fil-finanzi tal-pajjiż. Fl-aħħar erba’ snin, inħolqu 20,000 post tax-xogħol waqt li pajjiżna huwa wieħed minn sitt pajjiżi biss fiż-żona Ewro li rnexxilu jniżżel id-defiċit fil-livelli stabbiliti mir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea.
Għal darb’oħra, l-Oppożizzjoni tibqa’ tipprova timmina l-istabbilità ta’ pajjiżna billi titfa’ d-dubju quddiem l-investituri li qed iħarsu lejn pajjiżna u tipprova tbeżża’ li l-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna mhix b’saħħitha. L-Oppożizzjoni għandha interessi partiġġjani. I-Kummissjoni Ewropea ix-xahar li għadda kkonkludiet li Malta kienet wieħed minn sitt pajjiżi biss fiż-żona tal-Ewro li laħqu l-mira li jkollhom defiċit ta’ anqas minn 3%, b’ta’ Malta jkun 2.7%. Aktar kmieni din is-sena l-istess Kummissjoni Ewropea faħħret id-deċiżjonijiet tal-Gvern li wasslu biex itejjeb il-qagħda finanzjarja tiegħu u b’hekk tiddeċiedi li twaqqaf l-azzjonijiet kontra pajjiżna fil-qafas tal-proċeduri ta’ defiċit eċċessiv. Ftit tal-ġimgħat wara, fir-rapport dwar Malta, il-Fond Monetarju Internazzjonali ddefinixxa t-tnaqqis fid-defiċit ta’ pajjiżna bħala wieħed bl-aqwa tisħiħ fil-qagħda finanzjarja fost il-pajjiżi avvanzati. L-Oppożizzjoni tipprova xxekkel l-investiment u ttellef il-postijiet tax-xogħol.
Il-pożizzjoni finanzjarja ta’ pajjiżna baqgħat b’saħħitha, bid-dejn, jibqa’ ferm aktar baxx medja taż-żona Ewro. Din l-istabbilità kienet waħda mill-fatturi importanti biex pajjiżna baqa’ jattira aktar investiment. Fl-aħħar erba’ snin ġew reġistrati xejn anqas minn 9,266 kumpanija ġdida ma’ l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, filwaqt li l-Malta Enterprise approvat 130 fabbrika ġdida jew espansjoni, b’investiment ta’ aktar minn €323 miljun. Dawn se jfissru l-ħolqien ta’ 3,400 impjieg ġdid fi tliet snin. Dan barra investimenti oħra f’setturi bħas-saħħa, l-edukazzjoni, it-trasport u fis-servizzi. Dan wassal biex il-qgħad kompla jonqos u jibqa’ fost l-aktar baxxi fl-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar erba’ snin 43,427 vacancies ġew reġistrati mal-ETC. Min iħaddem talab lill-ETC biex tibgħatlu ħaddiema għal postijiet tax-xogħol li kellu vakanti.
Dwar il-każ marbut mal-Fondazzjoni Magueri, Il-Finance Intellegence Analysis Unit (Malta) ħadet nota tal-allegazzjonijiet li saru dwar l-istess Fondazzjoni u qed tieħu l-passi neċessarji pertinenti mal-legislazzjoni. Madankollu, hija prekluża bil-liġi milli tipprovdi dettalji dwar każijiet li jkunu qed jiġu analizzati mill-istess FIAU jew dwar rapporti li jkunu saru minn xi persuni.
In-nuqqas ta’ viżjoni u direzzjoni tal-Oppożizzjoni tibqa’ toħroġ bil-pożizzjonijiet diverġenti li ħadet waqt l-istess konferenza dwar it-tnaqqis fid-defiċit u dwar it-tariffi. Għal darb’oħra Dott Muscat ma qalx kif se jnaqqas it-tariffi, u fl-istess ħin inaqqas id-defiċit. Meta tqis ir-reazzjoni tal-Oppożizzjoni għar-reviżjoni parzjali tal-Budget f’din is-sena, il-konklużjoni hija li l-Oppożizzjoni trid iżżid it-taxxi biex tkun tista’ tbaxxi l-kontijiet. Kuntrarju ta’ dan, il-Gvern ħadem b’responsabbiltà, u assorba ż-żidiet internazzjonali fil-prezzijiet taż-żejt u b’hekk żamm it-tariffi tad-dawl u l-ilma l-istess għall-familji u s-sidien ta’ negozji u l-industrji Maltin.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017