STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA, KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U L-FAMILJA B’RISPOSTA GĦALL-ISTQARRIJA TAD-DEPUTAT MEXXEJ LABURISTA ANGLU FARRUGIA
Il-Gvern tejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, filwaqt li l-Oppożizzjoni baqgħet gallarija
Il-Gvern qed jaħdem biex f’pajjiżna jkompli jinħoloq aktar xogħol u xogħol aħjar. Il-Gvern jemmen li d-dinjità tal-ħaddiema, f’kull livell, għandha dejjem tiġi rispettata. Dan il-prinċipju wassal lill-Gvern biex wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, tejjeb u żied il-kundizzjonijiet minimi tal-ħaddiema. B’hekk qed jiġi assigurat li l-ħaddiem Malti u l-familja tiegħu qed igawdu kwalità ta’ ħajja aħjar.
Fl-erba’ snin li għaddew, l-Oppożizzjoni Laburista kienet assenti minn dan il-proċess u minflok ipparteċipat biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, għażlet li timmina l-istabbilità finanzjarja u ekonomika tal-pajjiż b’dikazzjonijiet zbaljati. Minflok toħroġ b’politika serja dwar il-xogħol, l-Oppożizzjoni Laburista tibqa’ toħroġ b’dikjarazzjonijiet ġeneriċi li permezz tagħhom tipprova tingħoġob ma’ kulħadd.
Dan il-Gvern, qed jasal għas-soluzzjonijiet wara diskussjoni mal-imsieħba soċjali. Fix-xhur li għaddew, fost l-oħrajn bdew isiru verifiki mal-ħaddiema ta’ kuntratturi li rebħu kuntratt, billi bdew jintalbu attendance sheets. Dawn l-attendance sheets qed jiġu verifikati mal-Inland Revenue, l-ETC, u ma’ awtoritajiet oħra biex jiġi stabbilit jekk dawk il-ħaddiema humhiex veru impjegati jew inkella humiex self-employed.
F’din il-leġislatura diġa saru emendi għal 35 Avviż Legali li permezz tagħhom tjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema fosthom regolamenti ġodda biex matul il-perjodu tat-tqala, kif ukoll sa sena wara t-twelid tat-tarbija, omm ma tistax tkun obbligata tagħmel sahra.
Saħħaħna d-drittijiet tal-part-timers. Issa għandhom dritt pro-rata għal-leave, sick leave u benefiċċji oħra. Il-leave tal-maternita’ żdied għal 16-il ġimgħa minn Jannar li għadda u se jiżdied b’ġimagħtejn oħra għal 18-il ġimgħa f’Jannar li ġej.
F’Diċembru li għadda l-Gvern daħħal avviż legali speċifiku biex ineħħi l-abbuż ta’ min iġiegħel lill-ħaddiema jaħdmu bħala self employed. Illum jekk ħaddiem jissodisfa mill-anqas ħames minn tmin kriterji stabbiliti bil-liġi għandu jkun impjegat bħala ħaddiem bid-drittijiet u l-kundizzjonijiet kollha u mhux bħala self-employed. It-tmin kriterji li l-ħaddiem irid jissodisfa ħamsa minnhom biex jitqies bħala tali u mhux bħala self-employed huma dawn li ġejjin:
- li jkun jiddependi minn persuna waħda għal min is-servizz qed jiġi provdut għal mill-inqas 75% tad-dħul f’perjodu ta’ sena;
- li jkun jiddependi fuq il-persuna għal min is-servizz qed jiġi provdut biex jiġi determinat liema xogħol irid isir u fejn u kif ix-xogħol li ġie assenjat irid jitwettaq;
- li jkun jagħmel ix-xogħol permezz ta’ makkinarju, għodda u materjali pprovduti mill-persuna għal min is-servizz qed jiġi provdut;
- li jkun suġġett għal skeda ta’ ħin tax-xogħol jew għal perjodi ta’ ħin minimu ta’ xogħol stabbilit mill-persuna għal min is-servizz qed jiġi provdut;
- li ma jistax jagħmel sub-contracting tax-xogħol tiegħu lil individwi oħra floku meta jitwettaq ix-xogħol;
- li jkun integrat fl-istruttura tal-proċess ta’ produzzjoni, l-organizzazzjoni ta’ xogħol jew il-ġerarkija tal-kumpanija jew ta’ organizzazzjoni oħra;
- li l-attività tiegħu hi element ċentrali fl-organizzazzjoni u fit-twettieq tal-għanjiet tal-persuna għal min is-servizz qed jiġi provdut; u
- li jagħmel xogħlijiet simili tal-impjegati eżistenti jew, fil-każ ta’ meta x-xogħol jiġi outsourced, jagħmel xogħolijiet simili għal dawk li kienu jkunu mwettqa qabel minn impjegati.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017