Left arrow Go Back

IT-TORRI T’GHAJN ZNUBER LURA GHAD-DEHRA ORIGINALI TIEGHU

pr0970
Date Icon 01/05/2012

Il-Gvern f’erba’ snin wettaq mal-50 intervent ta’ restawr madwar pajjizna

Illum il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino żar ix-xogħlijiet ta’ restawr li saru fuq it-Torri t’Għajn Żnuber li reġ’a ngħata d-dehra oriġinali tiegħu.

Dan it-Torri kif inhu magħruf t’Għajn Żnuber jinsab fil-Park Nazzjonali tal-Majjistral fil-Mellieħa. Mhux magħruf eżattament meta nbena dan it-torri, biss jidher li m' huwiex torri li nbena fi żmien il-ħakma tal-Kavallieri. L-indikazzjonijiet juru li dan it-torri nbena għall-ħabta tal-aħħar tas-seklu dsatax meta fl-inħawi ta’ Għajn Żnuber huwa dokumentat li kienu jgħixu 12-il persuna. Infatti dan it-Torri huwa mibni fuq stil ta’ razett tipikament Malti u jidher li kien jappartjeni lill-familja Ciantar. Filfatt għad issib min isejjaħ dan it-torri bħala Torri Ciantar.   Li hu żgur u li dan it-Torri ntuża fi żmien it-Tieni Gwerra dinjia. It-Torri fil-gwerra kien jintuża biex jilqa’ fih numru ta’ uffiċjali li kienu jkunu għassa biex jilmħu l-attakki mill-ajru lejn Malta.

Minn meta nfetaħ il-Park Nazzjonali tal-Majjistral fl-2007 bdew numru ta’ xogħlijiet marbuta mar-riġenerazzjoni ta’ din iż-żona biex dan il-park jitgawda għar-rikreazzjoni tal-familji partikolarment għal mixjiet fil-kampanja. Bħala parti mil-ħidma f’dan il-Park,  f’Ġunju tas-sena 2011 inbeda x-xogħol ta’ restawr fuq dan it-Torri t’Għajn Żnuber. Il-ħsarat li ġarrab it-torri maż-żmien kienu kbar tant li partijiet minnu kienu saħansitra ċedew. Dan ix-xogħol ta’ restawr sar b’investiment ta’ ‘l  fuq minn €53,000 bil-kollaborazzjoni wkoll tal-Bord tal-Park tal-Majjistral.

L-istruttura ta' Għajn Żnuber kienet mibnija minn ġebel tal-qawwi tas-sekonda biex tkun tiflaħ għall-elementi peress li t-Torri jinsab f'post espost għar-riħ u qrib il-baħar.  Meta beda x-xogħol l-ewwel importanza ngħatat biex l-istruttura ssir stabbli. Għalhekk wara li tneħħa l-ġebel li kien ta’ periklu, beda jinġieb ġebel tal-qawwi tas-sekonda mill-Mellieha stess biex ikun jaqbel mal-ġebel eżistenti.

It-travi tal-ħadid li nstabu fil-post kienu għadhom tajbin ghalkemm kienu mimlija sadid.  It-travi tqaxxru u nżebgħu b'zebgħa apposta għal kontra s-sadid u miżbugħin kannella ċar. Iż-żewġ livelli tat-torri kellhom jerġgħu jissaqqfu mill-ġdid bix-xorok minn travu għall-ieħor. Tajjeb jingħad li l-bejt inkesa bid-deffun, il-mod tradizzjonali  biex ma jidholx ilma, kif kien oriġinarjament. Twaqqa’ wkoll it-taraġ tal-konkrit li kien hemm u minflok inbena taraġ tal-ġebel bl-istess materjal użat għat-Torri.

Minflok l-art tal-konkrit li kien hemm fuq in-naħa ta’ barra tat-Torri, tqegħdet ċangatura tal-qawwi.  Issa se jitkompla x-xogħol fuq L-aperturi ta' barra li se jinħadmu mill-iroko bis-sistema antika ta' l-intavlar' mid-Direttorat tal-Manifattura u s-Servizzi. Fejn hu possibbli t-twieqi  se jkollhom apertura bil-ħġieġ fuq ġewwa biex ikun jista' jgħaddi d-dawl minghajr ma jidħol ir-rih u t-trab.   

Ian Castaldi Paris chairperson tal-Bord tal-Park tal-Majjistral, filwaqt li rringrazzja lil kull min ħadem fuq dan ix-xogħol, spjega li issa se tibda ħidma biex it-Torri jkun jista’ jibda jiġi wżat mill-pubbliku li jżur il-Park u jservi l-iskop ta’ ċentru tal-Viżitaturi. L-għan hu li minn dan il-post tingħta aktar informazzjoni dwar l-aspetti ambjentali.

Il-Ministru Pullicino rringrazzja u sellem lill-ħaddiema kollha li jaħdmu fil-qasam tar-restawr f’pajjiżna. Ix-xogħol ta’ ħila tal-ħaddiema Maltin f’dan il-qassam hu nvestiment fil-passat għall-futur. Huwa fakkar li bħalissa f’pajjiżna qed isir l-akbar proġett ta’ restawr li qatt sar fuq is-swar, fejn qed ikunu rrestawrati 6km ta’ swar fil-Belt Kapitali, l-Birgu, l-Imdina u c-Ċitadella f’Għawdex.

Apparti dan il-proġett fil-Belt Kapitali biss f’4 snin saru 20 proġett ta’ restawr filwaqt li għaddej xogħol biex din is-sena jinfetaħ l-ewwel Ċentru Interpretattiv dwar il-fortifikazzjonijiet fi Biaggio Steps il-Belt Valletta. Fost il-proġetti mwettqa fil-Belt sar restawr tal-faċċati tal-Palazz tal-GranMastru, l-Arloġġ tal-GranMastru Pinto, il-binja magħrufa bħala l-Main Guard, il-Portiku  u l-faċċati tal-Biblioteka, il-Monument tal-Qanpiena,  l-Victorja Gate u l-Kapella ta’ Santa Katerina.

Mill-2008 sa llum sar xogħol kbir fir-restawr ta’ statwi li nsibu fl-irħula  fosthom l-istatwi mal-Faċċata tal-Knisja Parrokjali f’San Pawl il-Baħar, restawr tal-iStatwi tal- 4 Evanġelisti fuq iz-zuntier Tal-Gharghur, u restawr tal-iStatwi ta’ San Pawl u San Publiju fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokjali ta’  San Ġorġ f’Ħal Qormi. Sar xogħol ukoll fuq 14-il-kapella, Villa Francia f’Ħal Lija, Torri tas-Semaforu fil-Għargħur, faċċati tal-Muzew ta’ Wignacourt ir-Rabat, il-Polverista f’Sant Anġlu u l-funtana tas-Saqqajja r-Rabat.

Dawn l-interventi tar-restawr ħolqu opportunitajiet ta’ xogħol, wrew il-kapaċita’ tal-ħaddiem u qed iwasslu biex il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna jgawdu wkoll il-wirt storiku ta’ pajjiżna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow