Left arrow Go Back

TIFTAĦ UFFIĊJALMENT L-NSTF SCIENCE EXPO LI QED ISSIR FIL-PARK NATURALI TA’ XROBB L-GĦAĠIN

pr0903
Date Icon 23/04/2012

Il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said fetaħ uffiċjalment in-National Students Travel Foundation’s Science Expo fil-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin. Din l-attività tittratta diversi aspetti tax-xjenza mmirati lejn etajiet differenti, bil-għan ewlieni jkun li tħajjar dejjem iżjed student Maltin u Għawdxin jistudjaw  u jispeċjalizzaw f’suġġetti relatati max-xjenzi.

Bħala parti mill-attività, fil-jiem li ġejjin se jingħataw lectures u wirjiet minn esperti minn entitajiet u universitajiet barranin, diskorsi mill-Malta Medical Students Association, filwaqt li se tingħata informazzjoni dwar l-użu ta’ enerġija alternattiva min-Nature Trust Malta.  Se ssir ukoll esibizzjoni ta’ proġetti relatati max-xjenza magħmulin minn studenti tal-iskejjel primarji, sekondarji, tas-Sitt Sena u tal-Università.  Se jintwera wkoll film fuq il-ħajja fl-ibħra tad-Dwejra u Rdum Majjiesa.  Fi ftit kliem il-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin daqs li kieku se jinbidel f’villaġġ xjentifiku.

F’diskors li għamel, il-Ministru Chris Said tkellem dwar l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni b’mod partikolari għal Malta. Hu semma kif il-Gvern investa u qed jinvesti ħafna fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Fost l-oħrajn diġà beda x-xogħol fuq park industrijali b’investiment ta’ 30 miljun Ewro imsejjaħ BioMalta Campus. Dan se jipprovdi l-infrastruttura neċessarja għar-riċerka u l-innovazzjoni industrijali lill-industrija tal-farmaċewtika u xjenzi relatati mal-ħajja.

Il-Ministru Chris Said qal li l-Gvern hu impenjat li jkompli jżid il-valur miżjud tal-industrija Maltija billi jgħinha tinvesti aktar fir-riċerka, l-innovazzjoni u fl-iżvilupp teknoloġiku. Kien propju għalhekk li fil-Baġit 2012 tħabbar li l-inċentivi fiskali li kienu japplikaw għal min kien jaħdem fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u tal-on-line gaming, issa ġew estiżi għal dawk il-Maltin li huma speċjalizzati iżda li jixtiequ jirritornaw biex jaħdmu Malta, kif ukoll għal dawk li jixtiequ jagħmlu riċerka u jikkummerċjalizzaw xi invenzjoni jew teknoloġija f’Malta. Din is-sena l-Gvern żied il-vot għar-riċerka tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija għal €1.6 miljun u se jsir investiment ta’ €3.5 miljun Ewro f’Ċentru Interattiv tax-Xjenza li għandu jservi biex iħajjar aktar tfal u żgħażagħ jinteressaw ruħhom fix-xjenza.

Il-Ministru Said ħeġġeġ aktar tfal u żgħażaġħ jieħdu t-triq tax-xjenza u semma kif ftit xhur oħra ix-xjenzat Malti Dr. Andre Xuereb mistenni jieħu sehem fil-laqgħa tan-Nobel Laureates għax-Xjenza li ssir kull sena fil-Ġermanja. F’din il-laqgħa jieħdu sehem mijiet minn fost l-aqwa xjenzati minn madwar id-dinja kollha.

Wara l-ftuħ uffiċjali, il-Ministru Chris Said qassam kotba relatati max-xjenza lill-istudenti preżenti.  L-NSTF Science Expo tibqa’ miftuħa sas-27 ta’ April u l-istudenti tal-iskejjel kollha fil-gżejjer Maltin huma mħeġġa jattendu.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow