STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U L-FAMILJA
Malta f’pożizzjoni li tiffirma Protokoll dwar il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal
Il-Liġi Maltija fiha numru ta’ dispożizzjonijiet illi jipproteġu d-drittijiet tat-tfal. L-interessi tat-tfal fil-Qorti huma protetti wkoll permezz tal-Avukat tat-Tfal. Dan kollu jfisser li kuntrarjament għal dak li qed tgħid l-Oppożizzjoni, Malta tinsab f’pożizzjoni li tiffirma t-Tielet Protokoll Opzjonali tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal li nfetaħ għall-firem fit-28 ta’ Frar li għadda.
L-istqarrija maħruġa aktar kmieni llum mill-Oppożizzjoni Laburista hi intenzjonata biss biex tħawwad l-imħuħ u tixhed in-nuqqas ta’ preparazzjoni tal-Oppożizzjoni. L-Oppożizzjoni donnha trid tippolitiċizza anke lit-tfal u tattribwixxi lill-Gvern dak kollu li jista’ qed idejjaqhom. Il-kelliema tal-Oppożizzjoni Laburista missha taf aħjar. Dan imur b’mod manifest kontra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal. It-tfal ma għandhomx jintużaw bħala strument jew ballun politiku kif tipprova tagħmel l-istqarriija tal-Oppożizzjoni bl-iskuża tal-Protokoll.
L-iffirmar tat-Tielet Protokoll ta’ din il-Konvenzjoni infetaħ anqas minn xahrejn ilu u Malta diġa tat l-indikazzjoni li se tkun qed tiffirma dan il-Protokoll fiż-żmien li ġej. Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, wara konsultazzjoni mal-Ministru għall-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, fil-ġimgħat li għaddew beda l-proċedura sabiex dan il-Protokoll ikun iffirmat mill-Ambaxxatur ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti fi New York.
Sadanittant il-ħidma dwar il-Politika Nazzjonali dwar it-Tfal daħlet f’fażi mill-aktar interessanti hekk kif il-proċess ta’ konsultazzjoni dwarha issa jinsab fl-aqwa tiegħu. Il-Ministru tal-Ġustizzja, l-Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said, fil-ġimgħat li għaddew, kellu numru ta’ laqgħat ma’ entitajiet differenti dwar l-abbozz ta’ din il-politika li tnieda f’Diċembru li għadda permezz ta’ dokument imsejjaħ ‘Kburin bi Tfulitna’. Issa jmiss li matul ix-xahar ta’ Mejju isiru numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni pubblika li għandhom jgħinu sabiex dan id-dokument ikun irfinut.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017