Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA, KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U L-FAMILJA WAQT IT-TNEJDIJA TAL-KOPERATTIVA ME2! – BIRKIRKARA – IT-TNEJN 16 TA’ APRIL 2012

pr0854
Date Icon 16/04/2012

Sinjuri

Huwa tabilħaqq unur għalija li ninsab fostkom illum, f’dan il-mument hekk importanti għalikom li matulu se tkunu qed twaqqfu l-koperattiva ME2!  Koperattiva li taf il-bidu tagħha grazzi għall-proġett li mexxiet il-Fondazzjoni għas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali u li kellu l-għan ewlieni li jgħin persuni b’diżabilità jintegraw fis-suq tax-xogħol.

Ix-xogħol jagħti dinjità lil persuna - mhux l-anqas lill-persuna b’diżabilità.  Hu għalhekk li l-Gvern jibqa’ jirsisti biex jattira aktar investiment, biex joħloq aktar impjiegi u biex isostni u jappoġġja kull inizjattiva li permezz tagħha jinħoloq ix-xogħol jew jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ impjieg.. Bħala Gvern ma nistrieħux u ma nieqfux naħdmu qabel ma jirnexxilna naslu f’sitwazzjoni fejn kull min irid jaħdem, irrispettivament mis-sitwazzjoni tiegħu, jkun jista’ jagħmel dan bla problemi.

F’dawn l-erba’ snin, il-Gvern kien iffukat fuq il-ħolqien tal-impjiegi.  Investejna b’mod qawwi biex inħajru aktar kumpaniji u fabbriki jiftħu f’Malta u joħolqu x-xogħol għaż-żgħażagħ u għall-ħaddiema.  Ir-riżultat ta’ dan kollu kien li f’4 snin, ħloqna 20,000 impjieg ġdid. Flimkien mal-ETC, il-Gvern qed jinvesti fi programmi ta’ taħriġ u employability.

Minn dan kollu bi pjaċir ngħid li qed igawdu anki l-persuni b’diżabilità.  Illum għandna 900 persuna b’diżabilità li hija reġistrata li qed taħdem full-time u aktar minn 200 li jaħdmu part-time.  Il-Gvern u l-aġenziji tiegħu qed jagħmlu xogħol imprezzabbli biex l-opportunitajiet għall-persuni b’diżabilità jkomplu jiżdiedu.

Per eżempju, permezz tal-Employment Aid Programme, l-ETC sabet impjieg lil 52 persuna b’diżabilità bil-Gvern iħallsilhom nofs is-salarju u l-bolla għal numru ta’ snin.

Permezz tal-proġett Bridging the Gap, l-ETC sabet placement lil 37 persuna b’diżabilità li qed jirċievu allowance ta’ 80 fil-mija tal-paga minima għal esperjenza ta’ xogħol li permezz tagħha jitħarrġu biex eventwalment twassalhom biex isibu impjieg. 

Permezz tal-proġett Me2!, proġett li qed isir bi sħab bejn il-Fondazzjoni, l-KNPD u l-ETC u b’fondi mill-Fond Soċjali Ewropew, 430 persuna b’diżabilità ibbenefikaw minn taħriġ u minn esperjenzi ta’ xogħol.  Dawn ingħataw aktar minn 11,400 siegħa ta’ taħriġ.  Sa mill-bidu tal-proġett f’Ġunju tal-2009 sa Diċembru tal-2011. 8 persuni b’diżabilità sabu xogħol fiss, 31 persuna b’diżabilità ġew megħjuna sabiex komplew fl-impjieg tagħhom; filwaqt li 21 għaddejin bl-istudji sabiex jakkwistaw ħiliet ġodda minn istituzzjonijiet edukattivi bħall-MCAST. Kien hemm ukoll 67 job exposure f’postijiet tax-xogħol varji. 

Barra minn hekk 10 klijenti flimkien ma’ għaxar support workers għamlu żjara fi Bristol fl-Ingilterra fejn esperjenzaw diversi tipi ta’ xogħol. Kien hawnhekk li nibtet l-idea ta’ din il-koperattiva magħmula minnkom - il-persuni li qed jibbenefikaw mill-proġett, il-ġenituri tagħhom, u s-support workers.

Ftit tax-xhur ilu kelli l-opportunita’ nagħmel żjara f’żewġ postijiet tax-xogħol fejn qed jaħdmu żewġ persuni b’diżabilita’.  Iltqajt ma’ Fabrizia Agius fil-Maypole u ma’ Elvin Bugeja fil-kumpanija Hetronic. Ħriġt minn dawn iż-żewġ postijiet tax-xogħol sodisfatt għax rajt b’għajnejja li verament qed jirnexxielna nagħmlu dak li sa ftit tas-snin ilu kien jidher diffiċli... nagħtu ċ-ċans lil kulħadd, inkluż lill-persuni b’diżabilita’, jagħti sehmu u jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum.  Filwaqt li għamilna passi ta’ ġgant  ’il quddiem, nemmen li fadlilna ħafna aktar xi jsir.

Hu għalhekk li filwaqt li nirringrazzja lil dawn il-kumpaniji fost 35 post tax-xogħol ieħor li qed joffru dawn l-opportunitajiet lill-persuni b’diżabilità, inħeġġeġ lil kumpaniji oħra biex ikunu kuraġġużi u jagħmlu l-pass huma wkoll.

F’dan id-diskors xtaqt nirreferi għall-Att li jemenda Liġijiet Varji (Materji dwar id-Diżabilità) u li kien approvat mill-Parlament mill-istadju tat-Tielet Qari fis-26 ta’ Marzu li għadda.  Dan l-Att, li għadu kif daħal fis-seħħ, għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ il-Liġi dwar l-Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità). L-emendi li approvajna se jwasslu biex jiġu salvagwardjati b’mod aktar effettiv id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità kontra diskriminazzjoni fuq il-bażi tad-diżabilità.

Permezz tagħhom, il-liġijiet ta’ Malta ġew konformi mal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, u issa Malta għamlet pass ieħor lejn ir-ratifika ta’ din il-Konvenzjoni.  Il-liġijiet Maltin issa huma konformi wkoll mad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar Diskriminazzjoni fuq il-Post tax-Xogħol.

Permezz tal-approvazzjoni ta’ dan l-Att mill-Parlament, il-Gvern qed ikompli jibni fuq il-kisbiet li l-persuni b’diżabilità għamlu f’pajjiżna fis-snin li għaddew.  F’isem il-Gvern, inwiegħed l-impenn u l-appoġġ tal-Gvern biex inkomplu nsaħħu dan il-qasam u noffru aktar opportunitajiet lill-persuni b’diżabilità.

Irrid inħabbar ukoll li wara li llum fil-Kabinett iddiskutejna liġi ġdida dwar il-Kustodja (Guardianship) tal-persuni b’diżabilità, bħal-lum ġimgħa, nhar it-Tnejn li ġej, se nkunu qed inressqu din il-liġi għall-ewwel qari fil-Parlament.

Din il-liġi hi maħsuba sabiex il-persuni b’diżabilità jinqatgħu għal kollox mill-interdizzjoni u mill-inkapaċitazzjoni, u jekk ma jkunux jistgħu jieħdu ħsieb ta’ ħwejjiġhom, minflok jinħatar kustodju li jkun jista’ jirrappreżentahom b’mod aktar ekwu.

Permezz ta’ din il-liġi se nkunu qed nintroduċu numru ta’ kunċetti ġodda għal pajjiżna fosthom:

  • it-tħaddim ta’ mekkaniżmu li jidentifika u jindirizza l-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabilità
  • ir-rikonoxximent tal-fatt li l-ħiliet u l-abbiltajiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet għal kull persuna jistgħu jitjiebu.
  • Ir-rikonoxximent li l-kunċett tal-kustodja jista’ jkun limitat għal ċertu oqsma tal-ħajja biss
  • responsabbilità fuq il-kustodju li jikkonsulta mal-persuna li jkun fdat bir-responsabbiltà tagħha u li jaġixxi skont ix-xewqat tagħha – safejn hu possibbli.

Il-liġi l-ġdida se tistabbilixxi wkoll Bord li fost l-oħrajn se jkollu r-rwol li jirregola l-mod kif jinħarġu jew jinżammu ordnijiet għall-kustodja; jagħti d-dritt ta’ appell mid-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu; u jagħti direzzjoni speċifika b’mod partikolari fejn il-kustodja tkun tinvolvi l-amministrazzjoni ta’ flus jew proprjetà.

Kif ippruvajt nuri f’dawn il-ftit minuti, il-Gvern jibqa’ impenjat li jkompli jaħdem biex is-soċjetà Maltija tkun waħda inklużiva, b'mod li l-persuni b'diżabilita’ permezz ta' opportunitajiet indaqs fl-oqsma kollha tal-ħajja jilħqu l-milja tagħhom bħala bnedmin li jgawdu minn kwalità ta' ħajja għolja.

Nagħlaq billi mill-ġdid nifirħilkom għat-twaqqif tal-Koperattiva ME2!   Jien infurmat li diġà rċevejtu l-apporvazzjoni tal-Bord tal-Koperattivi, fassaltu l-istatut u lesti biex titilqu.  Kunu afu li se ssibuna magħkom biex nappoġġjawkom.

Grazzi ħafna.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow