Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. MARIO GALEA, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ WAQT IT-TNEDIJA TAS-SENA EWROPEA DWAR ANZJANITÀ ATTIVA U S-SOLIDARJETÀ BEJN IL-ĠENERAZZJONIJIET 2012 – ŻEJTUN – IL-ĠIMGĦA 13 TA’ APRIL 2012

pr0835
Date Icon 13/04/2012

Għeżież Kollegi,

Huwa pjaċir tiegħi li nkun magħkom dalgħodu. Din is-Sena l-Ewropa iddedikata għall-Anzjanità Attiva u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet.

L-għażla tal-Unjoni Ewropea li tiffoka fuq l-anzjanità attiva ma kinitx għażla bl-addoċċ jew b’kumbinazzjoni. L-anzjanità hija realtà li qed tmiss mhux lilna biss bħala nazzjon żgħir imma lid-dinja kollha. Fil-każ ta’ Malta biex nieħdu idea sas-sena 2050 in-numru ta’ persuni li se jkollhom ’il fuq minn 60 sena huwa stmat li se jiżdied għal madwar 24% tal-popolazzjoni. Dan ifisser li sas-sena 2015 se jkollna kważi 104,000 persuna li se jkollhom ’il fuq minn 60 sena u sas-sena 2050 kważi 151,000 persuna li se jkollhom ’il fuq minn 60 sena.  

Poplu li qed jixjieħ  hija sfida ġdida għall-diversi pajjiżi fosthom l-Ewropa.  Biex nilqgħu għal din l-isfida ħdida u interessanti inħasset il-ħtieġa ta’ azzjoni konkreta. Azzjoni kollettiva u koordinata. Il-fatt li għandna poplu li qed jixjieħ mhux problema. Imma sfida. Mhux piż. Imma opportunità. Mhux traġedja. Imma grazzja. Dan il-fenominu mhux żvantaġġ. Imma akkwist. Ifisser li għandna livell ta’ għixien tajjeb. Servizzi tas-Saħħa tajbin. Il-life expectancy hija waħda mill-kejl li tintuża biex tistabillixxi dawn l-fatturi.  Għalhekk il-fatt li għandna poplu qed jixjieħ ifissser suċċess. Mhux falliment.

Din is-sena trid tifrex tapit isbaħ għall-ġejjieni fejn kull membru tas-soċjetà għandu sehem fuq il-palk tal-ħajja. U fuq dan il-palk l-anzjan la hu żejjed. Lanqas mhu sempliċiment tollerat.  L-anzjan irrid ikun fin-nofs tal-Palk. Indaqs.  Mhux inqas minn ħaddieħor. Din hi l-politika tal-Gvern.

Jeħtieg li nbiddlu l-perspettiva ħażina u żbaljata li bosta għandhom fuq ix-xjuħija.  Tradizzjonalment ix-xjuħija dejjem qisniha bħala t-taħżiża aħħarija. L-oppost taż-żgħożija. Il-final ta’ xi ħaġa sabiħa.

Din l-idea żbaljata ħalliet, saħansitra, l-effetti fuq il-lingwa nazzjonali tagħna. Diżgrazzjatament tant nibżgħu minn din il-fażi tal-ħajja li mqar meta niġu biex nagħżlu l-kliem li se nużaw qed noqogħdu b’seba’ għajnejn nużawx xjuħija jew anzjanità. Tat-tieni tidher iktar pulita. Iktar aċċettabbli! Lili togħġobni l-kelma xjuħija.  Anki ċerti qwiel u idjomi li writtna minn ġenerazzjoni għall-oħra jisfiduċjaw ix-xjuħija.   

Fuq livell internazzjonali, kemm rajna anki espressjionijiet artistiċi – minn films   kotba sal-internet – li jikkundannaw ix-xjuħija bħala l-aħħar att fil-ħajja.

Kemm rajna fl-istorja tal-bniedem soċjetajiet li fallew għax ma apprezzawx il-wirt u l-kontribut tal-anzjani tagħhom.  U dan mhux fi żmienna biss.

Saħansitra fi żmien il-Griegi u r-Rumani kien hemm pessimiżmu qawwi dwar ix-xjuħija. Il-famuż filosfu u drammaturgu Lucius Seneca ma tantx laqlaq dwar dan: “I should describe old age as a kind of incurable disease.”

Dmirna issa hu li nisfidaw din l-idea żbaljata dwar ix-xjuħija. Jeħtieġ iva nisfidaw it-tradizzjoni u tneħħu l-għanqbut u l-moffa li nġemgħu mal-milja tas-snin fejn jidħlu ix-xjuħ.

Għax kif sostna l-President Amerikan, Theodore Roosevelt, “Old age is like everything else. To make a success of it, you've got to start young.” Flimkien irridu nwettqu riforma li tisfida dak li ndara. Dak li daħal fil-vini tagħna.

Irridu ninsew il-kumdità tal-witat. Dik li nħallu din l-idea żbaljata issaltan glorjuża. U minflok nitilghu t-telgħat. Dik li nbiddlu u nisfidaw dan il-kunċett żbaljat li għad hawn dwar ix-xjuħija.  Irridu mmorru kontra l-kurrent li ilu snin kbar jekk mhux sekli jaħsibha b’dan il-mod skadut.

Irridu niġġieldu l-kostruzzjonijiet soċjali li toħloq is-soċjetà dwar ix-xjuħija. It-tikmix, li tant naraw fl-istampi u fil-filmati, mhux it-tmiem imma bizzilla ta’ esperjenza.

It-tikmix ifisser storja ta’ bniedem. Ta’ familja. Storja ta’ raħal. Storja ta’ Nazzjon. It-tikmix ifisser l-għerf li ġenerazzjoni tgħaddi lill-oħra.  It-tikmix hija ir-rabta tal-bieraħ mal-lum. U huwa dak li se jgħaqqad illum ma’ għada. Mingħajr xwejjaħ bit-tikmix ma jkollniex storja. Ma jkollniex identità.

Ix-xjuħ irridu nibdew inħarsu lejhom bħala kontributuri ewlienin fis-soċjetà tagħna. Fit-tagħlim tal-Lhud insibu dikjarazzjoni importanti ħafna li tista’ tkun ta’ gwida għal kulħadd: Għal dawk li jaraw biss sal-ponta ta’ imneħirhom ix-xjuħija tidher bħala x-xitwa. Għall-għorief ix-xjuħija hija żmien il-ħsad.

Nerġa’ ninsisti li takkumula s-snin wara dahrek mhix diżgrazzja jew kastig imma grazzja u barka. Għalina li nemmnu hija waħda mill-akbar għotjiet li jista’ jagħtik il-Mulej. L-anzjani huma aġenti attivi u jien ngħid ukoll provokattivi. Soċjetà għarfa għandha tiċċelebra x-xjuħija u mhux tikkundannaha.

Illum huma bosta dawk l-elementi fis-soċjetajiet madwar id-dinja li qed jirrikonoxxu li l-anzjan hu forza edukattiva u formattiva għan-nazzjon biex ikompli jseddaq il-progress tiegħu. Din l-esperjenza, per eżempju qed narawha fil-formazzjoni tal-Libja l-ġdida.  Għax l-età tal-pensjoni mhix il-verdett tal-eżilju mis-soċjetà. Jew il-final ta’ xi opra traġika. Iżda fażi ġdida fil-ħajja li minnha jista’ joħroġ ħafna ġid.

Ħarsu lejn l-istorja u tindunaw kemm nies għamlu d-differenza meta laħqu l-età tax-xjuħija. Michelangelo joħroġ bl-iktar xogħol artistiku importanti tiegħu fi xjuħitu. Mahatma Gandhi jġib l-indipendenza tal-Indja meta xjaħ.  Il-Prim Ministru Ingliż Winston Churchill rebaħ il-gwerra u qered in-Nażiżmu fi xjuħitu. Il-Papa Ġwanni XXIII ġab riformi importanti fl-istorja tal-Knisja meta xjaħ. Aktar riċenti l-mibki Papa Ġwanni Pawlu II.  Xwejjaħ għajjien. Muġugħ. Ibati. Imma jibqa’ jippersisti. U jasal. U miegħu iwassal kontinenti sħaħ; il-waqgħa tal-Komuniżmu.  Instigata minn dan ix-xwejjaħ qaddis, li fi xjuħitu biddel id-dinja.

U meta Ġwanni Pawlu II kien qiegħed agunija u jieħu l-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu, il-pjazza tal-Vatikan kienet mimlija żgħażagħ jibku u jitolbu għall-Papa. TabilĦaqq dan kien l-akbar eżempju ħaj ta’ żminijietna ta’ solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet.  Immaġinaw x’kienet titlef id-dinja kieku lill-Kardinal Karol Wojtila ma tawhx Ċans issir Papa għax kien xiħ.

F’pajjiżna stess, nies bħal Fr Peter Serracino Inglott ibrilla l-aktar fi xjuħitu. U tant u tant eżempji oħrajn.

Ipermettuli noħodkom ftit lura fi tfuliti għand in-nanna Mari.   Hawn fiż-Żejtun stess.  Biswit in-Nanna Mari kien hemm ġara ċerta Mari ta’ Ġanna tal-għajn. Kienet tagħmel ġurnata sħiħa tisma’ r-Rediffusion. Imbagħad toħroġ fil-bieb u tgħidilna x’qal ir-Rediffusion. U dak li jgħid ir-Rediffusion kien Vanġelu għall-Mari ta’ Ġanna tal-għajn. Imbagħad inmorru passejn ’il bogħod min-nanna.  Fil-misraħ biswit il-Knisja ta’ Santa Marija. Kien hemm Ta’ Giża il-landier. Niftakar mal-faċċata tal-ħanut tiegħu kien hemm speaker tar-Rediffusion. Biex ir-Rediffusion jinstema’ mill-misraħ kollu. Għadni niftakar klikka ta’ xjuħ jintasbu bil-qiegħda fil-misraħ. Jisimgħu r-Rediffusion. Għalihom dan kien l-uniku kuntatt mad-dinja ta’ hemm barra.  Insemmi dawn il-karattri ħelwin b’nostalġija. Tfuliti għamiltha magħhom.

Niftakar darba kienet il-festa tal-kappella ta’ Santa Marija. Jien intrigajt biex indoqq il-qniepen tal-kappella. U b’entużjażmu żejjed li kelli din l-imbierka mota tiegħi ma bbastat tieqaf qatt.  Inżilt minn fuq il-kappella ta’ Santa Marija rasi ’l fuq. Mota bħal dik żgur li qatt ma kienet indaqqet fil-kappella ta’ Santa Marija. Nistqarr li stennejt  il-prosit. U xi ftit gratiduni għall-mota twila li kont daqqejt. Imma mort żmerċ.  Dlonk laqgħani Żeppi, Alla jaħfirlu. Kien xwejjaħ mibni b’par mustaċċi mibrumin. Qlajt il-prosit. “Erġa tu. Inqas neqra aħbarijiet me ħellejtni nisme. Dun l-istorbju kollu għalfejn,” ħatafni jitmasħan Żeppi.

Illum ix-xjuħ tagħna nbiddlu. Ma baqgħux staġnati. Id-dinja imxiet ’il quddiem. U l-istess l-anzjani.. Minflok ngħidu li baqgħu lura. Mhux vera. Ħafna anzjani u t-teknoloġija m’għadhomx aktar għedewwa dikjarati.  Ħafna anzjani llum qed iħaddnu u jħaddmu t-teknoloġija. 

Imma llum għandek anzjani li qed jaqraw l-aħbarijiet mill-internet. Isegwu l-aħbarijiet ta’ bosta stazzjonijiet barranin apparti dawk Maltin. Illum l-anzjani tagħna qed isegwu t-tragedja tas-Sirja, il-kunflitti bejn l-Israel u l-Palestina, id-deċiżjonijiet li qed jieħu Barack Obama u l-effett tagħhom fuq id-dinja. Qed isegwu l-krizi tal-Ewro. Jafu kif il-prezzijiet taż-żejt qed jiddeterminaw suq wara ieħor.  

Illum l-anzjan ma jaċċettax kulma jisma’.  Aktar minn qatt qabel għandu opinjoni tiegħu. Fuq kollox. U fuq kulħadd. L-anzjan illum bis-saħħa tat-teknoloġija qed iħuf ħafna u ħafna aktar ’il barra mis-swar sabiħ li jdawru lil pajjiżna.

Illum ħafna anzjani jużaw il-mowbajl.  Jibagħtu l-messaġġi. Jibbrowsjaw fuq l-internet. Iwieġbu l-emails li jirċievu.  Maricarm illum titkellem ma’ binha Nardu u man-neputijiet fl-Amerika bl-Iskype.  Hemm anzjani li jużaw il-Facebook u jagħmlu l-friends requests.  Jiċċetjaw u tgħallmu jkunu ċittadini ta’ dinja virtwali u globalizzata. 

L-anzjani mhumiex għaġina mejta. Għall-kuntrarju jagħmlu l-eżerċizzji u jiżfnu fid-day centres tagħna u f’postijiet oħrajn. Japprezzaw l-importanza tal-mixi. Għandna anzjani li jiġġogjaw ukoll. U jikkompettu f’xi maratona.  Għax kif sostna l-kittieb Amerikan Mark Twain Age is an issue of mind over matter. If you don't mind, it doesn't matter.

Għandek fenomenu ieħor li qed jiżviluppa: l-anzjan li jibqa’ jitgħallem. Illum l-anzjani tagħna qegħdin l-università jistudjaw fl-istess kors man-neputijiet. Bħalissa fl-Università ta’ Malta għandna madwar 90 anzjan jistudjaw. L-ixjeħ anzjan li għandna bħalissa jistudja l-Università għandu 80 sena, filwaqt li l-iżgħar student fl-istess kors tiegħu għandu biss 25 sena. Qed naraw is-suċċess tal-Università tat-Tielet Età. L-anzjani qed imorru għall-korsijiet organizzati mid-Dipartiment għat-Tagħlim tul il-Ħajja.

Diġà semmejt f’diskors ieħor kif it-triq tan-Nanna Mari kienet mixgħula għax it-tifel ta’ Ġużeppa  tal-iskarpan  tant kien bravu li daħal l-università.  Alla biss jaf kemm kemm kelli nissaporti priedki mingħand in-nanna Mari. “Bid-daqq tal-qniepen, l-ġiri barra bl-iskates u itajjar il-manoċċa fuq il-bejt qatt mhu se tasal fejn wasal it-tifel ta’ Ġużeppa” kienet tfakkari in-nanna ta’ kull filgħodu, f’nofsinhar u filgħaxija. U jien mingħajr ma nafu dan l-imbierek tifel ta’ Ġużeppa tal-iskarpan bdejt kważi numbrah. Għax dan il-qrid tan-nanna kien kollu ħtija tiegħu.

Illum l-anzjani tagħna jirsistu u jagħtu l-enerġija tagħhom fl-għaqdiet volontarji, fis-soċjetajiet mużikali, fil-kunsilli lokali, fil-movimenti politiċi u reliġjużi u fil-knejjes. Għandna anzjani jgħinu anzjani oħrajn. Jagħtu diversi servizzi mingħajr ma jistennew xejn lura. 

F’dinja li qed tinbidel kuljum, fejn l-akbar u l-itwal gwerra hija l-assalt ma jaqta’ xejn fuq il-valuri, l-anzjani huma l-kwiekeb li fid-dlam tal-lejl jixgħelu. Joffru gwida liż-żgħażagħ fil-valuri, u fl-etika.  Il-kittieb Dante Alighieri jgħid hekk fuq l-anzjan li jagħti l-pariri: opens out like a rose which can no longer stay closed and diffuses its perfume.

Huwa d-dmir tagħna, mhux biss politiku imma anki morali, li bħala soċjetà nirispettaw u nindukraw lill-anzjani tagħna għax huma għajn ta’ tagħrif għani, Fadlilhom ħafna x’jagħtuna.  

Minkejja kollox, minkejja l-maltemp ekonomiku internazzjonali, Malta baqgħet tinvesti f’lista twila ta’ servizzi għall-anzjani. Dawn is-servizzi qegħdin nżiduhom. Dawn is-servizzi huma immirati biex l-anzjan jibqa’ sakemm ikun possibbli fiċ-ċentru tal-komunità fejn għex, trabba u rabba.  Għalhekk qed nivestu fil-kunċett tan-night shelters . Tellajna l-impjegati fil-qasam tal-anzjani għall-2842. Ħsibna fil-pensjonanti u tajniehom żieda sħiħa fl-għoli tal-ħajja  u għal dawk li għalqu t-80 sena tajna allowance gdida ta’ € 300. 

F’Malta diġà hemm ħafna ħidma u inizjattivi biex tippromwovi x-xjuħija attiva. Fuq livell ta’ gvern nidejna strateġiji kontra l-obeżità, u t-tipjip biex il-ħajja tal-anzjan tkun b’saħħitha u attiva. 

Il-persuni anzjani għandhom jiġu mħajra jkunu aktar attivi u jkabbru l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà. Kif ukoll il-qasam tal-volontarjat u x-xogħol. Irrid infakkar li l-anzjani wara l-età tal-pensjoni jistgħu jkomplu jaħdmu mingħajr ma jitilfu xejn mill-pensjoni. Fil-fatt llum għandek iktar minn 10,000 anzjan u anzjani li baqgħu jaħdmu wara l-età tal-irtirar.  Ftit tal-ġimghat ilu, nidejna l-programm ta’ inizjattiva biex l-anzjani jipparteċipaw fl-isports fosthom l-għawm.

Irridu nkomplu naħdmu biex flimkien l-anzjanità nibdluha f’esperjenza sabiħa tal-ħajja. Hu għalhekk li ħtarna Kumitat li hu magħmul minn diversi professjonisti li ħadmu bis-sħiħ ma’ diversi entitajiet biex fasslu programm ta’ attivitajiet għal din is-sena li hu ffukat biex titqajjem kuxjenza dwar il-kontribuzzjonijiet li l-persuni anzjani jagħtu u jistgħu jagħtu lis-soċjetà. Lil dan il-kumitat irrid niringrazzjah għax xogħol siewi li għamel u qed jagħmel.

Qabel ma nagħlaq xtaqt ngħid għaliex għażilna dan il-post id-Domus biex inniedu din is-sena ta’ attivitajiet.  Id-Domus kien post li sa mill-bidu tiegħu ipprattika l-ideali ta’ xjuħija attiva u solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet.  Dan il-post għalaq mitt sena. U tul dawn il-mitt sena, ta’ kuljum hawn xjuħ, familji u żgħażagħ jitħalltu u jaqsmu flimkien l-ideali, il-ħsibijiet u l-kapaċitajiet tagħhom. Jitkellmu, jiddiskutu u jargumentaw flimkien. Daqqa jaqblu. Daqqa ma jaqblux. Hawnhekk hawn fergħa ferm attiva tal-Iscouts u l-Girl Guides. Itellgħu produzzjonijiet teatrali flimkien. Jilagħbu d-darts, l-billiard u snooker. Jaraw logħbiet tal-football flimkien. U waqt kull logħba football ifajjru mijiet ta’ pariri lill-coaches fuq min messhom lagħab. Min messu ħalla barra. U xi strateġija kellu juża. Tabilħaqq sabiħa l-ħajja tad-Domus. Il-ħidma li ssir fil-Juventutis Domus Żejtun hija eżempju ħaj għalina lkoll. Lil sħabna tad-Domus ngħidulhom prosit u grazzi mill-qalb.

Permezz ta’ din l-inizjattiva qegħdin inħeġġu lilkom preżenti biex tagħtu s-sehem tagħkom biex il-ħidma ta’ dan il-kumitat  tkun suċċess. Jien se nkun qed nappoġġja dawn l-attiviatjiet.  Nittama li intom ukoll.

L-anzjani tagħna għandhom iħarsu lejn il-ġejjieni b’kuraġġ għax il-pajjiż jeħtieġhom fuq diversi livelli. Għandhom iħarsu lejn il-futur bl-istess entużjażmu ta’ kif għajnejn tarbija jżebbġu huma u jiskopru ferħana d-dinja ta’ madwarhom.  

Irrid nagħlaq bil-ħsieb tal-kittieb famuż George Bernard Shaw rebbieħ tal-Premju Nobel tal-Letteratura: We don't stop playing because we grow old; we grow old because we stop playing.

Wara l-kantuniera hemm xiħ. Għandu logħba x’jgħallmek. Għandu storja x’jgħidlek. Għandu tagħlima jew tnejn x’jagħtik.  Fittxu mhux tiskartah. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow