RINGRAZZJAMENT MILL-ISPTAR MATER DEI
It-tmexxija tal-Isptar Mater Dei tirringrazzja lill-pubbliku għall-kollaborazzjoni li wera hekk kif l-Isptar ħabbar li sar kompletament smoke free.
Kif kien tħabbar fl-4 ta’ Frar 2012, fil-jum dinji kontra l-kanċer, kemm il-pazjenti kif ukoll il-ħaddiema tal-Isptar Mater Dei issa jistgħu jpejpju biss fi tliet żoni speċifiċi fuq in-naħa ta’ barra tal-isptar. Qabel ma ttieħed dan il-pass, kien hemm diversi btieħi u żoni miftuħa li fihom kien qiegħed isir tipjip.
Din l-inizjattiva, li tifforma parti mill-pjan nazzjonali dwar il-kanċer, issa ilha xahrejn fis-seħħ b’mod uffiċjali. Bil-kollaborazzjoni ta’ dawk kollha involuti din l-inizjattiva irnexxiet u fil-fatt ma għadux isir tipjip barra miż-żoni indikati.
Għaldaqstant, it-tmexxija tal-Isptar qed tibgħat nota ta’ ringrazzjament lill-pubbliku in ġenerali u lill-professjonisti u ħaddiema varji li jaħdmu fi ħdanu.
Intlaqa’ wkoll b’mod pożittiv il-programm għall-waqfien mit-tipjip imniedi għall-ħaddiema tal-isptar mid-Direttorat għall-promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-mard. Filwaqt li programmi simili kienu diġà saru fil-passat, issa li l-isptar ġie smoke free, l-interess kompla jiżdied u aktar persuni qed juru interess biex jieqfu mit-tipjip.
Dawk kollha li huma interessati li jieqfu mit-tipjip jistgħu jsibu għajnuna professjonali u b’xejn billi jċemplu fuq 2326 6000.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017