IL-GVERN GĦADDA MILJUN EWRO OĦRA LILL-KUNSILLI LOKALI BIEX IWETTQU PROĠETTI TAL-UE
Il-Gvern hu impenjat li jkompli jgħin aktar Kunsilli Lokali fit-twettiq ta’ proġetti b’finanzjament Ewropew li permezz tagħhom itejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħhom. Bejn l-2009 u l-2011, il-Gvern għen billi għadda madwar miljun Ewro sabiex jgħin fit-twettiq ta’ 50 proġett tal-Kunsilli Lokali li għalihom inkisbu mat-€18-il miljun mill-programmi Ewropej. L-għajnuna tal-Gvern ingħatat mill-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-Kunsilli Lokali.
Dan sostnieh il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said waqt attività li matulha tqassmu €46,000 mill-Fond ta’ Ko-Finanzjamment għall-Kunsilli Lokali lil sitt entitajiet differenti: żewġ Kunsilli Lokali, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u tliet Gruppi ta’ Azzjoni Lokali. Dawn huma l-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa u Ħad Dingli, il-Fondazzjoni GAL Xlokk, il-Gozo Action Group u l-Fondazzjoni Majjistral. Il-proġetti tal-Kunsilli Lokali jinvolvu skambji ta’ artisti żgħażagħ bejn bliet differenti fl-Unjoni Ewropea filwaqt li l-gruppi ta’ azzjoni lokali qed jiġu megħjuna sabiex jimplimentaw strateġiji ta’ żvilupp lokali fiż-żoni rurali tagħhom.
Il-Ministru Chris Said qal li l-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-Kunsilli Lokali qed jilħaq l-iskop ewlieni tiegħu: dak li jgħin lill-Kunsilli Lokali jiffinanzjaw il-parti ta’ ko-finanzjament meta jakkwistaw fondi mill-Unjoni Ewropea biex iwettqu proġetti li jkunu ressqu huma. Hu spjega li meta Kunsill Lokali jissottometti proġett għall-finanzjament taħt wieħed mill-programmi tal-Unjoni Ewropea, dan ikun jaf sa mill-bidu nett li jkun jista’ jakkwista sa 85% tat-total tal-proġett. Dan ifisser ukoll li l-Kunsill Lokali jkun irid joħroġ il-bqija. B’xorti ħażina, sa ftit tas-snin ilu, ħafna ideat u proġetti tajbin kienu qed isiru b’diffikultà kbira għaliex għal numru ta’ Kunsilli Lokali Maltin mhux faċli jipprovdu l-bqija tal-finanzjament. Kien proprju għal din ir-raġuni li l-Gvern kien waqqaf il-Fond ta’ Ko-Finanzjament tal-Kunsilli Lokali li permezz tiegħu l-Kunsilli Lokali jingħataw għajnuna finanzjarja li tkun tkopri parti sostanzjali minn dawk il-15% li jkunu jridu joħorġu huma sabiex iwettqu l-proġett b’suċċess.
Il-Ministru Chris Said ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali biex jiffamiljarizzaw rwieħhom mal-għodda kollha li l-Gvern u entitajiet pubbliċi oħra qed ipoġġulhom għad-dispożizzjoni tagħhom b’tali mod li jiggwadanjaw minnhom kemm jistgħu.
Il-Ministru responsablli mill-Kunsilli Lokali, Carm Mifsud Bonnici faħħar din l-inizjattiva li tgħarraf li l-Kunsilli Lokali huma s-sħab ideali biex jitwettqu proġetti ta’ dan it-tip. “Is-sindki u l-kunsilliera eletti qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex ikunu jafu x’inhuma l-bżonnijiet tal-komunitajiet tagħhom, u x’hemm bżonn isir biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħhom. Għalhekk il-kunsilli huma dawk l-entitajiet li jistgħu jużaw bl-aħjar mod dawn il-fondi tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern biex jsaħħu l-iżvilupp kulturali u soċjali ta’ lokalitajiet li jmissu ma’ żoni rurali.”
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017