AKTAR IMPENN MILL-GVERN SABIEX MALTA SSIR ĊENTRU TA’ REFERENZA FIL-KURA TAL-KANĊER
Delegazzjoni mill-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità f’taħdidiet mal-Klinikum der Universitat Munchen f’Munich, il-Ġermanja
Waħda mill-miri ewlenin ta’ dan il-Gvern fis-settur tas-saħħa hija li tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-marda tal-kanċer u li jkun hemm qabża fil-kwalità tal-kura li tingħata lil dawk li jbatu minn din il-marda fil-forom kollha tagħha. Fis-sena 2009 b’investiment ta’ €1.6 miljun ġie mniedi iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Breast Screening - storja ta’ suċċess oħra fil-qasam tal-kura u s-saħħa f’pajjiżna għaliex permezz ta’ dan is-servizz qegħdin jiġu salvati aktar ħajjiet. In-nefqa tal-Gvern fuq mediċini għall-kanċer fi 3 snin żdiedet b'65% u żdiedu l-mediċini b’xejn għal min għandu kanċer, fosthom il-kanċer tas-sider, kanċer tal-moħħ, tal-pulmun, tal-kliewi, tal-istonku u d-demm.
B’investiment ta’ €59 miljun ko-finanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea bħalissa għaddej ix-xogħol fuq il-bini taċ-Ċentru tal-Onkoloġija fl-Isptar Mater Dei. Dan iċ-ċentru ta’ 96 sodda ser ikun mgħammar b’apparat modern u se joffri ambjent aħjar għall-pazjenti kif wkoll numru ta’ servizzi fosthom dawk ta’ radiotherapy; chemotherapy; haematology; paediatric oncology u palliative care.
Il-Gvern huwa impenjat li Malta ssir ċentru ta’ referenza fil-kura tal-kanċer fir-reġjun tal-Mediterran. Għal dan il-għan delegazzjoni mill-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità ġiet mistiedna mill-Klinikum der Universitat Munchen f’Munich fil-Ġermanja sabiex iżżur il-faċilitajiet għall-kura tal-kanċer li din l-Università ta’ fama mondjali għandha fl-isptar tagħha. Il-Klinikum der Universitat Munchen jipprovdi servizzi ta’ saħħa lill-aktar minn 400,000 persuna fis-sena u l-isptar jimpjega madwar 10,000 persuna li minn dawn 1,700 huma tobba u speċjalisti u 4,400 huma infermiera. Il-Klinikum der Universitat Munchen jispeċjalizza fit-trattament tal-kanċer.
Id-delegazzjoni Maltija mmexxija mill-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, Dr Joe Cassar kellha taħdidiet ma’ uffiċċjali għolja tal-Klinikum der Universitat Munchen fejn ġiet spjegata l-istrateġija tal-Gvern Malti fil-qasam tal-kura tal-kanċer. Ġew diskussi wkoll materji tekniċi fosthom dwar teknoloġija u apparat li jintuża għat-trattament tal-kanċer; dwar radjoloġija ġenerali u oncologic imaging. Ġew ukoll diskussi l-possibilitajiet ta’ aktar ko-operazzjoni bejn iż-żewg naħat kif wkoll possibilitajiet ta’ taħriġ u riċerka.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017