DISKORS MILL- PRIM MINISTRU, L-ONOR LAWRENCE GONZI, WAQT IR-ROLL-OUT CEREMONY TAL-MARITIME PATROL AIRCRAFT, F’ĦAL FAR – IT-TLIETA, 3 TA’ APRIL 2012.
Commander,
Distinguished Guests,
It is with a deep sense of pride that I stand here this morning to assist in this second roll-out ceremony in the space of a year.
A sense of pride in our investment programme, in our Armed Forces but today, above all, in our men of the Air Wing.
This second maritime patrol aircraft comprising an investment of €9.7 million is a fitting symbol embodying the professionalisation of the Armed Forces of Malta.
The Armed Forces are today equipped with the latest technology and equipment to carry out its duties in an efficient and effective manner. Over the last four years we have invested over €30 million in equipment for our Armed Forces.
Sinjuri,
Illum qegħdin nassistu għall-investiment ieħor fl-iskwadra tal-ajru tal-Forzi Armati. Investiment ieħor ta’ €9.7 miljun fi żmien sena. Dan jixhed l-impenn tal-Gvern lejn il-Forzi Armati ta’ pajjiżna. Konxji u napprezza x-xogħol siewi tagħkom bħala skwadra.
Kull meta tidħol sejħa għal salvataġġ, tirrispondu. Tisfidaw l-elementi. M’għandkomx ħin, lejl u nhar. Kull darba tirrispondu u ssalvaw il-ħajja tan-nies.
Kull meta pajjiżna jintlaqat mit-traġedja umana tal-immigrazzjoni illegali, tirrispondu.
Meta nqalgħet l-emerġenza tal-Libja, u Malta kellha rwol importanti fl-evakwazzjoni ta’ eluf ta’ nies, irrispondejtu.
Kuljum mingħajr ma aħna nindunaw tkunu qed tissorveljaw it-territorju Malti u Ewropew u taħdmu kontra t-traffikar tad-droga u l-kutrabandu.
Ta’ dan kollu u aktar għandkom l-ammirazzjoni tiegħi, tal-Gvern li jiena mmexxi u tal-poplu Malti.
Bħala gżira fil-Mediterran u bħala fruntiera Ewropea, l-iskwadra tal-ajru għandha rwol importanti ħafna mhux biss għal pajjiżna imma wisq aktar għas-sigurtà fir-reġjun u fil-kontinent. Għalhekk l-iskwadra u l-Armata tirrikjedi apparat modern u nies imħarrġa u l-Gvern għaraf dan il-bżonn u investa fikom.
Dan it-tieni ajruplan huwa ħolqa oħra f’katina sħiħa ta’ inizjattivi u investimenti sabiex il-Forzi Armati ta’ Malta tkompli ttejjeb l-effiċjenza u l-effettività tagħha. Investejna f’żewġ ajruplani ġodda mgħammra b’apparat ta’ sorveljanza b’investiment ta’ aktar minn 19-il miljun Ewro. Kif stajtu taraw intom u deħlin, qed jinbena hanger ġdid sabiex jilqa’ dawn l-ajruplani l-ġodda u se jitkompla l-programm ta’ modernizzar tal-ajruplani u helicopters tal-iskwadra. Investimenti li jikkumplimentaw proġetti oħra li għamilna tul dawn l-aħħar erba’ snin li jinkludu patrol boats ġodda kif ukoll sistema ta’ komunikazzjoni moderna u adatta għall-ħtiġijiet tal-Forzi Armati.
Ħtiġijiet li fuq kollox huma mibnija fuq il-ħidma, id-dedikazzjoni u l-professjonalità tagħkom. Fl-iskwadra tal-ajru t-taħriġ tal-membri jiggarantixxi s-suċċess tal-operazzjonijiet tagħha. Hawn nixtieq infaħħar lill kull membru ta’ din l-iskwadra tad-dedikazzjoni u s-sagrifiċċju personali fit-taħriġ intensiv tagħkom. Ukoll nixtieq infaħħar l-inizjattiva tal-iskwadra li tibgħat il-membri tagħha għall-korsijiet tekniċi ġewwa l-MCAST u llum għandha suldati kwalifikati biex jagħmlu l-manutenzjoni meħtieġa. Il-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti fikom fis-suldati kemm fit-taħriġ lokali u kemm barra minn Malta.
Illum qed naraw riżultat ieħor tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea permezz ta’ dan l-investiment. Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea għalikom mhux biss issarrfet f’aktar tagħmir, iżda wkoll f’aktar opportunitajiet.
Sinjuri,
Il-professjonalità tagħkom tagħmel unur lil pajjiżna. Id-dedikazzjoni u l-kuraġġ tagħkom jagħtu r-riżultati.
Malta kburiha bikom u bil-Forzi Armati tagħha.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017