STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT
Il-Ministeru tal-Finanzi jirreferi għall-istqarrija tal-General Workers Union dwar il-prezzijiet tal-fuels.
Ir-reviżjoni fil-prezz tal-fuel saret minħabba li żdied il-prezz internazzjonali taż-żejt u għalhekk żdied il-prezz li bih Malta tixtri l-fuels. Il-Ministeru jiċħad li fuq ir-reviżjoni li tħabbret il-bieraħ hemm xi ħlas ta’ sisa. Id-dazju fuq il-fuel huwa ammont fiss u mhux persentaġġ u għalhekk iż-żieda tal-bieraħ hi dovuta biss għaż-żieda fil-prezz internazzjonali taż-żejt.
Iż-żidiet huma r-riżultat ta’ żidiet sostanzjali fil-prezz internazzjonali li żdied b’aktar minn 12% fl-aħħar ġimgħat. Dan kien ikkawżat primarjament minn tensjonijiet ġeo-politiċi, b’mod partikolari bejn il-Punent u l-Iran.
Dan wassal biex il-pajjiżi Ewropej kollha ma jkollhomx triq oħra ħlief li jirrevedu ‘l fuq il-prezzijiet tal-fuels. Skont statistika ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea, madwar l-Ewropa kien hemm żieda ta’ 6.6% fil-prezz tal-fuels bejn Jannar u Marzu. L-inqas żidiet saru f’Malta, bi 2.8%. Pajjiżi oħra żiedu l-fuels b’rata ferm aktar ogħla minn dan.
Il-prezz tal-petrol f’Malta hu s-seba’ l-orħos filwaqt li d-diesel huwa l-ħames l-irħas f’pajjiżna minn fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Iż-żidiet fil-prezz internazzjonali taż-żejt qed jaffettwaw ukoll il-prezzijiet tal-enerġija kkunsmata mill-familji, l-industrija u s-sidien tan-negozju. Madankollu, il-Gvern għażel li jassorbi ż-żieda tal-prezzijiet biex ma jogħlewx il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Dan kuntrarju ta’ bosta pajjizi oħra li proprju f’dawn il-gimghat qed iħabbru żidiet kbar fil-prezzijiet tal-enerġija.
Dan għaliex il-Gvern – filwaqt li jaħdem f’realtajiet li huma diffiċli għal kulħadd - jinteressaħ u jieħu ħsieb il-familji u s-sidien ta’ negozji Maltin. Bil-kontra ta’ dak li ġara f’pajjiżi oħra, għaliex il-Gvern Malti ħadem b’għaqal fl-aħħar snin u saħħaħ il-finanzi tiegħu, kien f’pożizzjoni li jgħin lill-familji tagħna biex ma jintlaqtux ħażin.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017