Left arrow Go Back

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ HUMA FIĊ-ĊENTRU TAL-POLITIKA TAL-GVERN

pr0479
Date Icon 21/08/2012

Iż-żgħażagħ huma fiċ-ċentru tal-politika tal-Gvern li dejjem ifittex li jiftaħ aktar opportunitajiet bil-ħidma tiegħu. Hekk sostna l-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport meta żar Aġenzija Żgħażagħ fl-għeluq l-ewwel sena mit-twaqqif tagħha.

Waqt id-diskors tiegħu l-Onor Puli qal li dan il-Gvern qiegħed jinvesti fiż-żgħażagħ billi qed jinvesti fl-edukazzjoni u x-xogħol. Huwa saħaq li llum 73% taż-żgħażagħ ikomplu bl-istudji tagħhom wara li jtemmu l-edukazzjoni sekondarja, u semma n-numru ta’ opportunitajiet li hawn biex wieħed jilħaq il-massimu tal-potenzjal tiegħu.

Puli tenna li dan l-investiment mill-Gvern qed iħalli riżultati pożittivi fil-qasam tax-xogħol u qal li meta mqabbel mal-2010, iż-żgħażagħ jaħdmu bi qliegħ f’Settembru 2011 żdiedu b’aktar minn 1,900.

Is-Segretarju Parlamentari sostna li t-twaqqif ta’ Aġenzija Żgħażagħ kien ħolqa oħra minn katina għaliex l-għanijiet ewlenin li għalihom ġiet imwaqqfa din l-aġenzija huma li: tippromwovi u tissalvagwardja l-interessi taż-żgħażagħ kif espressi fil-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ; tassikura li l-politika u l-programmi tal-Gvern li jikkonċernaw iż-żgħażagħ qed jiġu implimentati skont il-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ filwaqt li toffri programmi ta’ empowerment lill-istess żgħażagħ.

Waqt l-istess attività Aġenzija Żgħażagħ ippreżentat uffiċjalment ir-rapport tal-ewwel sena ta’ ħidma tagħha fil-preżenza ta’ għadd ta’ żgħażagħ li matul din is-sena għamlu kuntatt dirett mal-Aġenzija.

Aġenzija Żgħażagħ għandha r-rwol li taħdem fuq programmi li jgħinu sabiex iż-żgħażagħ jingħataw aktar ħiliet permezz ta’ tagħlim mhux formali ħalli jkomplu jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom. Taħdem ukoll biex tagħmel kull informazzjoni lokali kif ukoll internazzjonali li hi ta’ interess għaż-żgħażagħ aċċessibbli. Għandha wkoll il-funzjoni li toffri  għajnuna lill-għaqdiet taż-żgħażagħ sabiex ikomplu x-xogħol siewi tagħhom fil-ħidma maż-żgħażagħ. Barra minn hekk għandha rwol li tamministra ċ-ċentri ta’ attività għaż-żgħażagħ bħal dawk ta’ Marsaxlokk u Villa Psaigon, sabiex il-faċilità tal-edukazzjoni mhux formali ssir aktar attraenti, aċċessibli u ta` servizz liż-żgħażagħ.  Fil-fatt Aġenżija Żgħażagħ din is-sena provdiet diversi programmi ta’ empowement fosthom il-programm tal-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ, il-konkors kitba letteratura għaż-Żgħażagħ u Adoloxxenti; il-Voltours, Empower - programm ta’ edukazzjoni mhux formali,  Divergant Thinkers u oħrajn. Dawn jingħaqdu wkoll ma’ żewġ skemi dik ta’ Youth Specialisation Studies Scheme (YSSS) fejn il-Gvern bi sħubija ma’ bank privat qed jagħti sussidju fuq soft loans liż-żgħażagħ biex ikomplu jistudjaw u l-iskema għal taħriġ mużikali fil-każini tal-banda fejn permezz ta’ miżura fil-baġit li għadda l-Gvern qiegħed jgħin lill-każini tal-baned li jkunu se jieħdu inizjattivi fit-tagħlim tal-mużika.

Il-Kap Eżekuttiv Ms Miriam Teuma stqarret li s-suċċess ta’ kull enitità illum sar jitkejjel skont kemm entità hi kapaċi taħdem ma’ entitajiet oħra għal għan wieħed u fil-fatt l-ikbar xogħol li għamlet l-Aġenzija din is-sena kien il-bini ta’ kuntatti u sħubija fi proġetti ma’ entitajiet li jaħdmu maż-żgħażagħ għal ġid taż-żgħażagħ infushom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow